It-tik tok tal-arloġġ li ma tħallikx torqod!

 It-tik tok tal-arloġġ li ma tħallikx torqod!

Tiftakru dak iż-żmien meta fid-djar kien ikollna biss arloġġi minn dawk li jaħdmu bil-ħabel? Wisq probabbli dawn għadek issibhom fid-djar tan-nanniet jew ta’ xi zijiet anzjani. Kien ikollok tagħtihom il-ħabel kull ftit jiem, u xi drabi l-pożizzjoni tagħhom kienet tkun tant antipatka li kont tirriskja tikser għonqok jekk ma toqgħodx attent!

Iz-zija Agnes kellha arloġġ minn dawk tat-taraġ f’għamla ta’ rettanglu bil-wiċċ tan-numri, bil-minutieri u l-id tas-siegħa, flimkien mal-pendlu jitbandal taħt, kollox jingħalaq ġewwa bieba tal-ħġieġ. Kien arloġġ minn dawk li jdoqqu kull nofs siegħa: bong waħda meta tkun nofs siegħa, u aktar minn bong waħda skont is-siegħa xi tkun. Mela, jekk ikunu il-11 am kien idoqq bong għal-11-il darba! U dan mhux biżżejjed. It-tik-tok tiegħu kien jinstema’ minn kważi kull rokna tad-dar, l-aktar fil-ħemda tal-ħin tal-mistrieħ.

Meta z-zija Agnes xjaħet tant, kont nitla’ f’nofs it-taraġ fuq banketta, niftaħ il-bieba tal-ħġieġ, insib il-muftieħ li kien ikun f’xi rokna ħdejn il-pendlu u nagħtih il-ħabel billi ndaħħal il-muftieħ f’żewġ toqbiet u ndawru għal sitta seba’ darbiet, l-ewwel biex jibqa’ jgħodd is-sigħat u mbagħad biex jibqa’ jdoqq.

Kellna wkoll l-iżveljarini, xi wħud minnhom donnhom tank tal-gwerra daqskemm kienu kbar u tal-metall. Biż-żmien daħlu wkoll l-arloġġi li jaħdmu bil-batterija… Imma din it-tik tok kontinwa qatt ma naqset.

Immaġina issa jkollok xi erbgħa jew iktar minn dawk l-arloġġi mferrxin mad-dar kollha, bl-iktar wieħed qrib tiegħek fuq il-komodina fejn torqod! Hemm min sitta u sitta tnax u jorqod qisu bumarin, imma hemm min bħali anki l-inqas tektika ma tħallihx jagħlaq għajn m’għajn.

Kien hemm żmien meta kont inqum f’nofs ta’ lejl u nagħlaq l-arloġġi li jdejquni fil-kxaxen biex ma nismagħhomx! Ħallieha mbagħad, meta kont insikket l-arloġġi kollha tad-dar tiegħi, fil-ħemda tal-lejl kont nisma’ saħansitra l-bong bong kull nofs siegħa tal-grandfather clock li kellhom il-ġara bieb ma’ bieb magħna!

Fortunatament imbagħad daħlu l-arloġġi diġitali, minn dawk tan-numri jixegħlu… u silenzjużi.

Inti għaddejt minn esperjenza bħal din?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com