It-tim Spanjol jikser il-liġi jekk jilgħab b’dan il-plejer

 It-tim Spanjol jikser il-liġi jekk jilgħab b’dan il-plejer

Spanja għandha l-uniku tim li rebaħ kull logħba li lagħab s’issa fil-Euro 2024. Ir-rebbieħa ta’ Grupp B, li spiċċaw l-ewwel parti ta’ din il-kompetizzjoni b’9 punti, issa se jilagħbu kontra l-Ġorġja nhar il-Ħadd 30 ta’  Ġunju fid-9pm. Minkejja dan, Spanja jaf ikunu qed jiksru l-liġi tal-pajjiż ospitanti jekk jilagħbu l-plejer Lamine Yamal f’din il-partita.

Dan għaliex il-liġi Ġermaniża ma tippermettix li nies taħt l-età ta’ 18-il sena jaħdmu wara l-11pm. Din il-liġi tgħodd kemm għall-Ġermaniżi kif ukoll għal barranin li jkunu qed jaħdmu fil-Ġermanja.

Yamal, li għandu 16-il sena, qed jirrappreżenta lit-tim Spanjol bħala attakkant u kiser ir-rekord tal-iżgħar plejer li qatt ħa sehem fil-Euros. Dan iż-żagħżugħ intagħżel wara staġun impressjonanti mat-tim tal-Barċellona, fejn f’50 logħba skurja 7 darbiet u kellu 10 assists. Fil-Euro s’issa wara 3 logħbiet kellu assist wieħed.

Kieku din l-edizzjoni tal-Euro saret l-Ingilterra, bħal fl-2020, Spanja ma kienx ikollhom diffikultà jilagħbu lil Yamal għaliex il-liġi Ingliża tippermetti li persuni li għandhom taħt it-18-il sena f’ċertu professjonijiet, jaħdmu anke bejn l-10pm u s-6am.

Intom x’taħsbu? Spanja se jilagħbuh lil Yamal fil-logħba li jmiss?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com