Ix-xebh kbir bejn kelb u sidu/sidtu
Mhux l-ewwel darba li nkunu mexjin fit-triq jew f’xi ġnien pubbliku u ninnutaw xebh fiżiku kbir bejn il-propretarju u l-kelb tiegħu jew tagħha. Għaliex bniedem jagħżel kelb żgħir u ieħor kelb kbir? Għaliex hemm min jippreferi kelb tar-razza li jaf jiswa mijiet jew eluf ta’ ewro, u oħrajn kelb kwalunkwe li setgħu adottawh direttament mit-triq jew miċ-ċentru fejn jinżammu l-klieb abbandunati?
Tara nisa lebsin xikk għaddejjin b’xi sausage dog jew xi afghan hound. S’intendi, il-proprjetarja ta’ dan tal-aħħar wisq probabbli timxi dritta, tħares lejn ta’ madwarha mill-ponta ta’ mneħirha ’l isfel u xagħarha twil u lixx. Imbagħad tara min għandu xagħru nokkli għaddej b’xi kelb bil-pil nokkli, xi wieħed immuskolat trid toqgħod attent kif tħares lejh għaddej b’xi kelb mibni qisu tank tal-gwerra. Min ikun atletiku u rqiq arah għaddej b’xi kelb tal-fenek jew dobermann. Hemm imbagħad min hu ċkejken fiżikament forsi jagħżillek xi poodle jew chihuahua, imma ħoll xagħrek u ġib iż-żejt jekk ifettlilhom jibdew jinbħu!
Ma ninsewx ukoll li bħala l-ikbar ħabib tal-bniedem, il-kelb ħafna drabi jispiċċa biex jaqsam ma’ sidu jew sidtu l-istess imġiba jew mod t’għajxien tagħhom. U dan japplika anki għar-relazzjoni tagħna mal-ikel. Il-kelb jista’ jaqsam mas-sid tiegħu anki elementi karatterjali. Jekk is-sid ikun bniedem kalm u ma jippanikjax, il-kelb jaf ikun ukoll ħlejqa relax u tat-tip ‘il-maltemp ħallih iħabbat’. Min-naħa l-oħra jekk sid il-kelb ikun wieħed mimli enerġija u m’għandux kwiet f’ġismu, il-kelb jaf ukoll ikun fuq tiegħu sew.
Ir-rabta bejn kelb u sidu jew sidtu hija tant kbira li tal-ewwel jaf jibda jimita anki ċerti manneriżmi tal-proprjetarju tiegħu, fosthom il-mod kif jimxu jew l-espressjoni tal-wiċċ.
Dan kollu jfakkarna li bejn bniedem u kelb taf tinħoloq relazzjoni jew rabta tassew speċjali. Bħalma l-klieb ifittxu l-imħabba min-naħa tas-sidien tagħhom, dawn tal-aħħar jafu jfittxu fil-klieb tagħhom kumpanija, lealtà li ftit issibha fil-bnedmin, wens, protezzjoni, imħabba sinċiera, u anki skuża biex wieħed jagħmel eżerċizzju fiżiku regolari.