Ix-xirja: L-aħjar waħdek jew mal-partner?
Jekk għandek f’moħħok li tevita l-junk food, mela allura l-aħjar tħalli l-partner tiegħek id-dar meta tmur għax-xirja. Filwaqt li xirja sseħħ b’mod prattiku u sservi wkoll ta’ mument ta’ kwalità meta l-klijenti jkunu koppja, it-tendenza hi ukoll li l-ikel nutrittiv jintesa. Iċ-ċans li jinxtara iktar ikel imbarazz bħal ngħidu aħna xi pakkett crisps jew gallettini huwa iktar komuni.
Il-Business School ta’ Berlin għamlet studju fejn analizzat klijenti li għamlu xirja tal-ikel online bħala koppja u oħrajn b’mod individwali. Ir-riżultati wrew li dawk li għamlu x-xirja waħedhom xtraw bejn wieħed u ieħor tmin prodotti filwaqt li dawk li kienu koppja xtraw madwar 20 prodott.
Disgħa mit-tnax-il prodotti żejda li nxtraw kien ikel li għandu ammont konsiderevoli ta’ kaloriji. Ġie nnutat wkoll li f’koppja, iż-żewġ partijiet għandhom ħabta jinħakmu mill-entużjażmu u jiżgarraw minflok jikkontrallaw lilhom infushom u jinkoraġġixxu lil xulxin biex jagħmlu għażliet favur dieta iktar ibbilancjata.
U intom, jiġrilkom hekk ukoll?