Jekk tinteressak il-letteratura, inkluż poeżija Maltija, ma tistax titlef Il-Pont

 Jekk tinteressak il-letteratura, inkluż poeżija Maltija, ma tistax titlef Il-Pont

Qatt ġie f’idejk xi ġurnal barrani dwar il-letteratura? F’Malta, ħafna drabi l-ispazju għal-letteratura fuq il-ġurnali barranin ikun biss xi paġna waħda darba fil-ġimgħa, normalment nhar ta’ Ħadd. U biex ngħidu kollox, mhux dejjem jingħata spazju lil dawk illi għadhom qed jippruvaw juru l-ewwel xogħlijiet tagħhom.

Din kienet is-sitwazzjoni sa ftit snin ilu. Li jkollna ġurnal letterarju f’Malta dehret xi ħaġa impossibbli u ħolma. M’hawnx interess fil-letteratura jew dan il-ġurnal ma kienx se jkollu distribuzzjoni kbira, b’konsegwenza li ma kienx se jkun vijabbli mil-lat finanzjarju?

Imma mhux kulħadd jinteressah illi jagħmel il-flus minn proġett. Hawn min tant iħobb xi ħaġa illi anki jekk m’hemmx qliegħ, jagħmilha daqskemm ikun iħobb is-suġġett. Patrick Sammut li kien editur tal-paġna letterarja ta’ “ Il-Ġens”, iddeċieda illi joħloq fuljett żgħir b’kitba dwar il-letteratura u jibagħtu lil xi nies illi kien jaf illi kienet tinteressahom il-letteratura, il-poeżija, il-kitba.

Maż-żmien dan il-fuljett kiber, kiber grazzi għall- ħidma ta’ Patrick, illi bil-perseveranza u d-dedikazzjoni kabbar dan il-fuljett ta’ ftit paġni għal ġurnal ta’ madwar sebgħin faċċata.

Minkejja li kiber bħala kontenut, u allura kiber ukoll ix-xogħol marbut miegħu, dan il-ġurnal għadek tista’ takkwistah b’xejn. Huwa ġurnal elettroniku, li jintbagħat lil min jixtieq b’email

Imma x’fih dan il-ġurnal? Fih issib dak kollu li għandu x’jaqsam mal-letteratura: Intervisti, poeżiji, informazzjoni u saħansitra intervisti ma’ awturi barranin. Dak li jagħmel “ Il-Pont” speċjali u uniku f’Malta jibqa’ li minkejja illi x-xogħol kollu fuqu jsir fuq bażi volontarja, il-livell tal-kontenut huwa wieħed għoli ħafna. Apparti minn hekk, l-editur Patrick Sammut joffri spazju lil awturi ġodda
Kull min jixtieq jibda jirċievi dan il-fuljett illi jiġi ppubblikat kull xahrejn, jista’ jibgħat email lil Patrick Sammut fuq [email protected]

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com