Kemm għadek tara nies barra fuq l-għatba?

 Kemm għadek tara nies barra fuq l-għatba?

Jekk ikollna nħarsu lura lejn ftit tas-snin ilu, nies bilqiegħda barra ħdejn l-għatba tad-dar fix-xhur sħan tas-Sajf, kienet veduta pjuttost komuni. Madanakollu, illum il-ġurnata l-ħajja mgħaġġla u l-bdil fit-temperaturi, biddel kemxejn ix-xenarju ta’ xi wħud mill-bliet u l-irħula Maltin.

Fi żmien meta l-ħajja kienet iktar kalma, u l-airconditions ma kinux daqshekk komuni bħal-lum il-ġurnata, fl-irħula kont spiss tara xi anzjani miġbura flimkien bilqiegħda fejn xulxin, jitkellmu fuq kollox u jgħaddu sagħtejn żmien qabel imorru jorqdu. Xi naqra zekzik u osservazzjonijiet ma kinux jonqsu. U xi ngħidu għal xi rħula Għawdxin, fejn kont tara ħafna aktar nisa miġbura jaħdmu flimkien xi xogħol tal-idejn?

Madanakollu, illum nistgħu nħarsu biss lejn dak iż-żmien b’ sens ta’ nostalġija. Għaliex forsi vera konna iktar moħħna f’xulxin, imma kien hawn ukoll sens qawwi ta’ komunità. Jekk kont tgħaddi minn triq hekk kif jidlam, kont tħossok b’xi mod aktar sigur, għax taf li xi ħin ser tara lil xi ħadd u għandek xorti jekk ma teħilx tpaċpaċ xi ftit ukoll. Ta’ min jgħid, li llum ir-residenzi l-aktar komuni m’għadhomx id-djar bħal qabel iżda aktar blokok ta’ appartamenti. U allura, l-għamla ta’ dawn tal-aħħar ma jagħmluhiex faċli lanqas.

Kif qed ngħidu, in-nies li joqogħdu barra kull filgħaxija naqsu ħafna. Tal-anqas, għad hawn xi ftit irħula jew bliet fejn xi nies jinġemgħu jieħdu xi te ġot-tazza bilqiegħda fuq l-għatba ta’ xi ħanut, bħal ngħidu aħna bħalma jkun hemm ir-Rabat Malta. Tatix kas dan l-aspett jew le, ta’ min jgħid li din karatteristika pjuttost komuni tagħna l-Maltin li bil-mod il-mod donnha qed tintilef. U int, x’taħseb?

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com