Kemm int kapaċi tisma’ u tifhem lilek innifsek?

 Kemm int kapaċi tisma’ u tifhem lilek innifsek?

Ħafna drabi ma jkollniex ċans nieqfu ftit u naraw xi jkun qed għaddej madwarna. Biss jiġu wkoll dawk iċ-ċirkostanzi li jinqalgħu għall-għarrieda u jħassrulna l-pjanijiet. Ikun propju f’dak il-ħin illi nispiccaw b’xi ftit ħin fuq ir-riħ. Huwa dak il-mument l-aqwa żmien biex ninvestu ħina sabiex intejbu l-ħila tas-smigħ.

Bħala bnedmin jiġina awtomatiku li s-smigħ nassoċjawh ma’ persuna oħra. Madanakollu, huwa importanti wkoll li nisimgħu u nifhmu ta’ spiss lilna nfusna. Kliemna, kif ukoll is-silenzju tagħna rridu nifmuhom it-tnejn. Il-psikologa Taljana Lamarca tissuġġerixxi lill-pazjenti tagħha jirrakkontaw xi avveniment jew xi epożidju minn ħajjithom, sabiex wara jkunu jistgħu jerġgħu jisimgħu u jifhmu dak li jkunu qegħdin jgħidu huma stess. Ħafna drabi, uħud minn dawn l-istess pazjenti jinnotaw li minn dak li qalu, tant qaluh b’mod awtomatiku li lanqas jieqfu sekonda biex jikkonfermaw jekk qaluhx b’mod korrett. Hija tenfasizza li m’għadniex kapaċi nisimgħu lilna nfusna anke jekk taħriġ ta’ dan it-tip jgħinna nitgħallmu u nifhmu iktar il-persuna tagħna stess. Meta wieħed jisma’, ipoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni li jfittex u jisma’ r-risposti u jqanqal anke mistoqsijiet. Fis-skiet, mistoqsija tista’ twassal għall-mistoqsijiet oħra. Dan il-proċess irridu nagħmluh magħna stess mhux biss ma’ ħaddieħor.

Biex nisimgħu lilna nfusna, irridu nikkalmaw u ma ngħaġġlux biex niġġudikaw ħsibijietna. Irridu nosservawhom, nisimgħuhom u nkunu empatiċi magħna nfusna. Irridu nagħrfu l-messaġġi li jibgħatilna ġisimna stess u ma ngħaġġlux sabiex insolvu l-problema għaliex din mhix xi jig-saw puzzle.

Aħna m’aħniex il-persuni li konna ilbieraħ u lanqas il-persuni li ser inkunu għada. Persuntna tiżviluppa kontinwament. Hija din il-perspettiva li tagħtina l-opportunità nikbru. Bil-paċenzja, irridu nħarsu lejna stess b’mod oġġettiv u b’empatija. Aktar milli nistaqsu “għaliex?” għandna nistaqsu mistoqsijiet oħra li jgħinuna niskopru aktar.  Meta nistaqsu ‘għaliex’ inkunu qed infittxu risposta definittiva akkost ta’ kollox, filwaqt li mistoqsijiet oħra jwittulna t-triq biex insiru nafu lilna nfusna. Dan għandu jsir bil-mod: qatt m’huwa tard biex inkunu nafu dwarna stess.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com