Kemm minna smajna kliem bħal dan?
“Fenkerija”, “flessigurtà”, “ftajjarija” u “pulpetterija” huma fost il-kliem li nsibu fis-seba’ edizzjoni tal-Multilingual Dictionary of New Words, maħruġ mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni fi ħdan il-Parlament Ewropew fl-2019.
Naqraw li “fenkerija” hu “restorant li jispeċjalizza fl-ikliet tal-fenek”, “ftajjarija” hu “ħanut jew restorant fejn jinħmew u jinbiegħu ftajjar tradizzjonali Maltin”, “pulpetterija” hu “restorant li jispeċjalizza fil-pulpetti”, u “flessigurta” hu “terminu użat biex jiddeskrivi taħlita ta’ flessibilità fis-suq tax-xogħol flimkien ma’ sigurtà soċjali u politika attiva dwar is-suq tax-xogħol bi drittijiet u obbligi għan-nies qiegħda”.
Filwaqt li l-erbgħa termini huma verament sbieħ u juru kemm l-ilsien Malti jaf ikun dinamiku, nistaqsi kemm minna verament qatt użaw kliem bħal dan.
B’kollox f’dan id-dizzjunarju jiġbor fih kliem ġdid jew neoloġiżmi marbutin mal-24 lingwa nazzjonali tal-Unjoni Ewropea, u edizzjoni wara oħra, dawn dejjem jiżdiedu. Il-Malti, li hu wieħed mill-ilsna uffiċċjali fi ħdan l-UE għandu inklużi 54 kelma ġdida, fosthom numru sabiħ li bosta minna nużaw regolarment.
Hemm kliem li jintrabat mad-dinja tal-kompjuter, mowbajl, jew internet bħal “bloggata”, “essemmessja”, “ħolqa”, “iċċarġja”, “illajkja”, “ittoppja”, “ittre”, “stessu” u “twittata”. Oħrajn bħal “ċekkjatur”, “ġabradati”, “instagramma” u “niżżel”, forsi nużawhom ftit inqas s’issa.
Kliem ieħor inkluż fil-lista huwa “allaċċ(j)a” (li trid tkun taf it-Taljan biex tifhimha), “andropawża”, “ġiħadista”, “nomofobija”, “postverità” u “wiċċinu”. Huma żgur kliem li jnisslu kurżità u jġagħluk tmur tfittixhom.
Imbagħad hemm kliem ieħor li hemm min fostna juża fid-diskors ta’ kuljum: “bomba” (tajjeb ħafna), “fottifesti” (persuna li toqtol il-ferħ ta’ festa), “ippapra” (ittondja u ppoppa xufftejh), “mazza” (tfajla ħelwa ħafna), “kanna” (sitwazzjoni spjaċevoli li ma kinitx mistennija), “patata” (imfarrak u bi ngħas), u “raħal” (biex turi ċerta familjarità ma’ persuna).
Nistaqsi, kemm minna nużaw il-kelma “borrinu” (snowman) meta jasal il-Milied, ladarba hawn Malta ma jinżilx silġ? U xi tfisser “nisatur”? Ma ninsewx li hemm Maltin li jaħdmu u jgħixu barra minn Malta u b’hekk jgħixu realtajiet differenti minn tagħna.
Għal min hu interessat jista’ jara kopja PDF ta’ dan id-dizzjunarju f’dil-ħolqa: file:///C:/Users/patri/Downloads/multilingual%20dictionary%20of%20new%20words-QA0119344ENN%20(1).pdf