Kif tista’ tinkorpora ftit eżerċizzju fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum?
Ngħidu ta’ kuljum kemm il-ħajja tagħna saret mgħaġġla. Dejjem għaddejjin, minn ħaġa għall-oħra u ġieli lanqas nindunaw kif waslu t-8pm! Ħafna drabi, dak il-ħin, l-aħħar aptit li jkollna huwa li noħorġu nimxu xi mixja jew nagħmlu xi workout twil biex niċċaqalqu ftit.
Hawn taħt se ngħidulkom ftit modi kif tistgħu ddaħħlu l-eżerċizzju fir-rutina tagħkom ta’ kuljum, mingħajr ma tħarbtu l-pjanijiet tagħkom.
- Integra l-attività fiżika f’affarijiet li diġà tagħmel bħal meta toħroġ mixja lill-kelb, tagħmel ix-xirja tiegħek jew inkella torganizza d-dar. Per eżempju, jekk għandek bżonn tagħmel qadja minn ħanut li jinsab xi għaxar minuti mixi ‘l bogħod mid-dar, taqlax il-karozza u mur bil-mixi jew bir-rota. Meta tkun qed tpoġġi x-xirja f’posta għamel ftit eżerċizzji għall-idejn bil-ħalib jew flixken tal-ilma.
- Jekk tagħmel użu mit-trasport pubbliku, inżel żewġ waqfiet qabel il-post fejn trid tieqaf u imxi l-aħħar biċċa.
- Minflok iċċempel jew tibgħat imejl lill-kollega tiegħek li jaħdem fl-istess binja, imxi lejn l-iskrivanija tagħhom u kellimhom direttament.
- Jekk issib lilek inniffsek dejjem mal-iskrivanija fuq ix-xogħol, għamel ftit eżerċizzju bażiku bħal stretching għas-saqajn, għolli jdejk u dawwar spaltek.
- Uża t-taraġ kemm jista’ jkun u pprova organizza meetings fejn minflok tpoġġi ma’ mejda, tiddiskuti li hemm bżonn waqt mixja.
- Meta tkun qed tistenna f’xi kju, ibbilanċja fuq sieq waħda għal ftit sekondi, imbagħad għamel l-istess fuq is-sieq l-oħra.
- Meta tkun qed titkellem fuq il-mowbajl, qum bil-wieqfa u għamel ftit eżerċizzji billi titla’ fuq il-ponot ta’ subgħajk u terġa’ tinżel.
- Waqt li tistenna l-kitla tagħli agħmel ftit push-ups mal-ħajt.
- Meta tkun qed taħsel snienek għamel 10 squats.
- Jekk tħobb tara t-televiżjoni investi f’rota wieqfa jew xi 20 star jump.