Kurt Calleja jgħid li se jkun qed joħroġ kanzunetta ġdida waqt il-VIP Date il-ġdida
Wasal episodju ieħor ta’ VIP Date magħna ta’ Stradarjali fejn laqqajna lill-kantant rebbieħ tal-aħħar ta’ Mużika Mużika u l-Eurovision, Kurt Calleja u lill-ġurnalist magħruf Liam Carter.
Huma ltaqgħu għand Minoa, f’San Pawl il-Baħar fejn kielu varjetà ta’ ikel filwaqt li raw sensiela ta’ ritratti li ggwidaw il-konverżazzjoni tagħhom sabiex isiru jafu aktar lil xulxin u l-esperjenzi ta’ ħajjithom.
Starter: Seared Scallops u Burrata
Fost is-suġġetti li tkellmu dwarhom, kien hemm il-karriera ta’ Kurt, u d-differenza ta’ meta rebaħ il-Eurovision u meta rebaħ Mużika Mużika. Bi kważi 10 snin differenza bejn iż-żewġ rebħiet, Kurt qal li affaċċjahom b’mod differenti propju minħabba d-differenza fl-età.
Min-naħa tiegħu, Liam qal li hu beda l-karriera tiegħu ta’ ġurnalist mal-ġurnal L-Illum. Hu mbagħad għamel esperjenza ma’ diversi gazzetti, mar Ċipru wkoll u meta reġa’ ġie lura Malta, daħal il-PBS.
Main Course: Today’s Catch u Lamb Belly
Liam staqsa lil Kurt dwar il-preferenzi tal-lingwa meta jikteb il-lirika għall-kanzunetti tiegħu. Kurt qal li hu jieħu gost jikteb il-lirika bl-Ingliż għax bħala lingwa hija aktar versatili. Madanakollu, wara li kiteb il-kanzunetta li biha rebaħ Mużika Miżika, bl-isem “Bla Tarf”, sar japprezza aktar il-lingwa Maltija fil-mużika. Qal li hu jipprova juża espressjonijiet Maltin u l-lingwa mitkellma, u jevita li juża kliem Malti antik li m’għadux jintuża fid-dinja tal-lum.
Kurt kompla billi qal li fiż-żmien li ġej se jkun qed joħroġ kanzunetta ġdida bl-Ingliż, li għandha fiha tliet kelmiet bil-Malti.
Min-naħa tiegħu, Liam qal li hu dejjem emmen li l-Malti jista’ jwassal għal lirika sabiħa u spjega li dejjem xtaq li jipprova jikteb xi kanzunetta.
Tkellmu wkoll dwar il-ġurnaliżmu, partikolarment dwar esperjenzi li Liam iħoss li dejjem se jibqa’ jiftakar. Huwa semma kif l-istejjer kurrenti ta’ kuljum dejjem iħallu ftit impatt fuqek, partikolarment meta jinvolvu inċidenti. Qal iżda li memorja li żgur mhux se jinsa’ hija dik ta’ meta mar jirrapporta mit-Turkija wara t-terremot. Qal li saħansitra jibqa’ jiftakar l-irwejjaħ li xamm meta nfetħet binja li ġġarrfet fit-terremot u minnha ħarġet riħa partikolari huma u joħorġu diversi persuni li mietu f’din it-traġedja. Qal li t-tbatija li ra, ħafna minnha lanqas joħolmu li jgħaddu minn xi ħaġa tat-tip u hija xi ħaġa li ma tinsiex faċilment.
Deżerta: Figs & Tahini Cheesecake Mousse u Carrot Cake, Pine & Orange
Suġġett ieħor li tkellmu dwaru kien l-ikel, partikolarment kif it-tnejn li huma qed jippruvaw jieklu aktar san. Liam qal iżda li żgarra l-lejl ta’ qabel għax ordna burger li bena hu u ġiet “mostru”. Kurt u Liam it-tnejn jagħmlu l-fasting u Kurt sostna li dan wassal sabiex jiċkienlu l-istonku. Min-naħa tiegħu, Liam qal li rnexxielu jinżel 10 kili.
Intom lil min tixtiequ li nistiednu bħala parteċipant tal-VIP date li jmiss? Għidulna fil-kummenti! Intant, jekk inti sid ta’ restorant u tixtieq tospita wieħed mill-episodji li jmiss, ikkuntattjana fuq [email protected].