Kurżitajiet tal-plejers u t-timijiet tal-EURO 2024
F’kemm-il klabb jilagħbu l-plejers li qed jipparteċipaw fl-EURO 2024? F’218-il klabb. L-iktar klabbs li għandhom plejers fil-kompetizzjoni huma l-Inter u l-Manchester City, bi tlettax-il plejer kull wieħed.
U minn liema kampjonati lokali ġejjin? Il-Premier League tal-Ingilterra huwa l-iktar kampjonat li għandu plejers minn dawn, total ta’ 96. 21 tim minn 24 li qed jipparteċipa għandu tal-inqas plejer wieħed jilgħab ma’ xi tim Ingliż.
Kont taf li hemm ħames Taljani li huma kowċis ta’ timijiet nazzjonali li qed jieħdu sehem fl-EURO 2024? Ovvjament hemm Luciano Spaletti, tal-Italja. Miegħu hemm Francesco Calzona tas-Slovakkja, Vincenzo Montella tat-Turkija, Domenico Tedesco tal-Belġju u Marco Rossi tal-Ungerija.
Mingħandu l-ixjeħ u l-iżgħar tim? L-ixjeħ tim huwa tal-Iskozja, bl-età medja ta’ 28.3, b’żewġ plejers biss taħt it-23 sena. Iċ-Ċekja għandha l-iżgħar tim fil-kampjonat, b’età medja ta’ 25.3; fil-fatt, għandhom żewġ plejers biss li għandhom ’il fuq minn 30 sena.
U min hu l-ixjeħ plejer? Il-Portugall għandhom lil Pepe, li jekk jilgħab f’dan il-kampjonat ikun l-ixjeħ plejer li qatt lagħab fl-EURO, fl-età ta’ 41 sena. Min-naħa l-oħra, jekk għal Spanja joħroġ fil-grawnd Lamine Yamal mhux biss ikun l-iżgħar plejer tal-EURO 2024, fl-età ta’ sittax-il sena, imma jkun l-iżgħar plejer li qatt lagħab fil-kampjonat.
Kemm-il logħba lagħbu futbol għal pajjiżhom il-plejers kollha f’daqqa? Il-Kroazja għandha l-unur li għandha tim veteran, hekk kif il-medja fost il-plejers hi ta’ 45 logħba. L-inqas tim esperjenzat huwa ċ-Ċekja, bi kważi 16-il logħba.
Liem huwa l-iktar plejer esperjenzat? Bla dubju, Ronaldo, b’207 darbiet li ħareġ jilgħab għall-Portugall. Warajh insemmu lil Luka Modric, b’175 logħba għall-Kroazja.
Xi ngħidu għall-medja ta’ gowls imqabblin mal-logħob li lagħbu? Lukaku għandu medja ta’ 0.74 gowl, hekk kif skorja 85 wieħed u lagħab 115-il logħba u wieħed minnhom biss skurjah minn penalty.