L-IKBAR GĦADU TIEGĦEK, INT INNIFSEK
Ħafna minna matul il-ġirja tas-snin, u bla ma indunajna, bħal inqbadna ġo xibka, time-table jew template li minħabba fiha spiċċajna nagħmlu dejjem l-istess affarijiet, jum wara jum, xahar wara xahar u sena wara oħra. Jekk nieqfu naħsbu, nagħrfu li bejn dak iż-żmien meta bdejna naħdmu u l-preżent hemm baħar jaqsam u jekk inħarsu lejn il-mera ma nagħrfux lir-rifless tagħna. Xi darba konna mimlijin ħeġġa, ħolm u ambizzjonijiet, biex illum, minħabba l-monotonija tal-ħajja li waqajna fiha, spiċċajna qisna robots, għajjenin, spiss bil-geddum u mgħobbijin b’ċerta rabja lejn ma nafux eżattament min.
L-ewwel ma jeħel magħna mbagħad hija l-persuna li tkun l-eqreb tagħna: il-mara jew ir-raġel tagħna, il-partner, forsi l-ġenituri, jew saħansitra l-kollegi fl-istess uffiċċju jew spazju fejn naħdmu. Mhux bilfors… Spiss nisimgħu min jesklama: Spiċċajt mid-dar għax-xogħol, u mix-xogħol lura għad-dar!
Imbagħad nibdew nitkellmu dwar din il-biċċa li qed iddejjaqna ma’ xi ħbieb li jkunu lesti jieqfu jisimgħuk u jifhmu ftit f’liema sitwazzjoni tinsab. Jippruvaw ukoll joffrulna anki xi ftit suġġerimenti biex noħorġu minn dan iż-żmien ta’ rutina kiefra, imma min-naħa tagħna nibqgħu ingorru, neqirdu u nirrepetu l-istess diska fejn nitħassru lilna nfusna u nitfgħu l-ħtija fuq ħaddieħor.
Kif toħroġ minn dan kollu? Tkellem professjonist bħal counsellor jew psikologu? Abbli suġġeriment tajjeb ikun dak li tibda tirreaġixxi ftit għas-sitwazzjoni billi ssib dak il-ħin għalik meta toħroġ mill-għeluq għad-dawl tax-xemx u għall-ftuħ tal-arja nadifa. Sib post għall-kwiet, xi park nazzjonali jew xi mogħdija fil-kampanja, u ibda imxi jew waħdek jew fil-kumpanija ta’ persuna li tafda.
Għandna nagħrfu liema huma l-prijoritajiet fuq il-post tax-xogħol, imma anki f’ħajjitna. Innaqqsu mix-xogħol żejjed li taħt il-piż tiegħu qed nirriskjaw li nitkissru u, jekk hemm bżonn, xogħol żejjed bħal dan jidħol għalih ħaddieħor. Sib ħin biex tisma’ l-mużika li togħġbok, tħabbeb mal-ktieb, ikun b’liema lsien ikun, jew aqra xi artiklu interessanti minn xi rivista jew sit online.
Fuq kollox żomm ’il bogħod minn aħbarijiet li jnisslu fik vibes negattivi, u tbissem iktar.