L-industrija tal-films qed isservi ta’ reklam għal aktar investiment u turiżmu
Kif semmejna f’artiklu preċedenti, l-industrija tal-films għandha potenzjal għall-ekonomija ta’ pajjiż. Tiġġenera flus u toħloq ix-xogħol, kif ukoll isservi sabiex tattira interess lejn il-pajjiż fejn ikun inġibed il-film. B’hekk din l-industrija qed isservi ta’ reklam għal aktar investiment u turiżmu.
Tant din l-industrija hija importanti, illi diversi pajjiżi joffru inċentivi tajbin ħafna lill-produtturi u diretturi tal-films sabiex jattiraw produzzjonijiet lejn dak il-pajjiż. Fost il-pajjiżi illi jinvestu u joffru inċentivi attraenti għal dawn il-kumpaniji insibu lil Malta.
F’dawn l-aħħar snin rajna diversi films illi inġibdu totalment jew partijiet minnhom f’pajjiżna. Barra minn hekk, pajjiżna joffri xenarju naturali ill-isbaħ, ħaddiema mħarrġa u bieżla u faċilitajiet uniċi, bħat-tankijiet tal-ilma fil-Kalkara.
Waqt il-Mediterrane Film Festival, flimkien ma’ diversi films oħra, wieħed jista’ jara ammont ta’ films illi partijiet minnhom inħadmu fil-gżejjer Maltin.
Taħt id-direzzjoni ta’ Hristijan Kostovski il-film qasir Beautiful Lie inħadmu partijiet minnu kemm f’Malta kif ukoll fil-Maċedonja ta’ Fuq. L-istess Kostovski kiteb u anki ipproduċa dan il-film ta’ madwar 35 minuta.
Id-direttur Adam Żurawiecki mhux biss għażel lil Malta (flimkien mal-Ghana) għall-film qasir tiegħu Cookie Box, imma fih nistgħu nisimgħu wkoll l-ilsien Malti.
Id-direttur Ingliż Ridley Scott kien għażel lil Malta sabiex tkun waħda mill-erba’ pajjiżi fejn inġibed il-film famuż Gladiator, film illi nistgħu nerġgħu insegwuh nhar t-Tnejn fil-Forti Sant Iermu.
Hounds of War ta’ Isaac Florentine, Morning Star ta’ Zara Balfour, u Pirates and Slaves ta’ Danielle Proskar ukoll kienu fost il-films illi fihom nistgħu naraw xeni miġbudin f’Malta wkoll.
Se jintwerew xi films bi produzzjoni jew direzzjoni ta’ artisti Maltin, films illi ukoll inġibdu f’pajjiżna. Fost dawn insibu I wish I never Existed, film b’direzzjoni ta’ Maria Grech u Dylan Odom; The Ambush ta’ Fabrizio Fenech, u The Well ta’ Alan Cassar, direttur illi diġà kien ipproduċa fost oħrajn is-sensiela televiżiva Klassi Għalina, fejn l-istess cast kien ħadem ukoll diversi films minn din is-sensiela għaċ-ċinema.
Dawn huma wħud mill-films li għandhom rabta diretta ma’ pajjiżna. Biex tara lista kompluta tal-films illi ser ikunu qed jintwerew tistgħu tidħlu f’din il-ħolqa https://vp.eventival.com/mediterrane/2024/film-catalogue?view=compact&page=4&per-page=12