L-iskulturi fis-siġar
Inti wieħed jew waħda minn dawk li forsi għandek ftit ħin ħieles iktar minn oħrajn ta’ madwarek? Jew forsi hija prijorità għalik li minkejja li inti mgħobbi jew mgħobbija bix-xogħol, xorta tagħmel il-mod kif issib dak il-ftit ħin għalik innifsek? Forsi inti persuna minn dawk li fil-ħin liberu tiegħek tħobb toħroġ timxi, anki f’żoni fejn hemm is-siġar u l-ħdura naturali? U min qatt – anki jekk ma kinitx ippjanata – ma waqaf għal ftit waqtiet mit-tellieqa tal-ġurnata u sab ruħu jiċċassa lejn iz-zokk ta’ siġra, anki waqt xi traffic jam?
Qed insemmi s-siġar għax, tiskanta, jekk noqogħdu naħsbu ftit, huma ħlejjaq naturali imma f’ċerti każi jafu jixbhu lil opra tal-arti. Apparti l-forom differenti tas-siġar, b’dak il-lewn aħdar ikanġi – jew isfar jew kannella – skont it-tip ta’ siġra u anki skont iż-żmien tas-sena, nistgħu ninnutaw Il-binja differenti tagħhom: min b’zokk ewlieni li minnu mbagħad joħorġu aktar fil-għoli fergħat differenti, min b’numru ta’ zkuk ewlenin, ġieli tnejn, tlieta, erbgħa jitgħannqu mbagħad jiftħu f’fergħat differenti li jinfirxu fuq arja usa’ aktar kemm jitwalu.
Hemm imbagħad dawk is-siġar li fir-rebbiegħa tarahom jilbsu lwien ikkuluriti tassew: f’moħħi għandi l-ġakaranda li propju f’dan l-istaġun tinkesa bi fjuri vjola ċar mill-isbaħ!
Lili jsaħħruni dawk is-siġar li z-zokk tagħhom bħal jieħu l-forma ta’ skultura partikulari. Rajt siġra fejn waħda mill-fergħat ewlenin tagħha tiegħu l-forma ta’ ras ta’ dragun jixbah li wieħed minn dawk fis-serje Game of Thrones. Siġra oħra kellha bħal ras ta’ ljunfant ħierġa minnha. Fiż-żokk ewlieni ta’ siġar oħrajn ilmaħt bħal irjus ta’ bhejjem differenti bħal għasafar, ħnieżer slavaġ, imma anki ta’ kreaturi fantastiċi bħal dawk li naraw fil-films tal-fantasija. Imbagħad hemm ukoll siġar fejn fihom tara bħal imnaqqxin uċuħ umani, min jitbissem, min imdejjaq.
Xi drabi tara dawk is-siġar li l-għeruq tagħhom jixref ’il fuq mill-bankina donnhom it-tentakli ta’ qarnita ġganta.
Nistaqsi jekk din hix kollha fantasija tiegħi, jew jekk għaddejtux minnha anki intom.