L-Italja bl-ikbar numru ta’ kowċis fl-EURO 2024

 L-Italja bl-ikbar numru ta’ kowċis fl-EURO 2024

L-Italja f’din is-17-il edizzjoni tal-EURO 2024 qiegħda żżomm għallinqas l-ewwel post f’taqsima partikolari: dik tal-kummissarji tekniċi, jew kif nafuhom aħjar kowċis, li qed jallenaw lit-timijiet finalisti, 24 b’kollox. Minn dawn, 4 timijiet għażlu li jiġu mħarrġa minn  kowċis Taljani:

  • Luciano Spalletti qed imexxi lit-tim Taljan. Huwa għandu 65 sena u ilu jikkowċja lit-tim sa mit-18 ta’ Awwissu 2023. Allena timijiet bħal Roma, Inter u Napoli.
  • Marco Rossi qed jieħu ħsieb it-tim tal-Ungerija li tiegħu ilu kowċ sa mill-20 ta’ Ġunju 2018. Rossi għandu 60 sena u kkowċja timijiet bħal Honved (Budapest) u DAC (Slovakkja).
  • Francesco Calzona għandu 55 sena u qed jieħu ħsieb lit-tim tas-Slovakkja li tiegħu ilu kowċ sa mit-30 ta’ Awwissu 2022. Ikkowċja lit-tim tan-Napoli.
  • Vincenzo Montella huwa l-kowċ tat-Turkija u għandu 50 sena. Ilu jmexxi t-tim Tork sa mill-21 ta’ Settembru tal-2023. Montella kkowċja timijiet bħal Milan, Siviglia u Fiorentina.

Fil-Germanja l-Azzurri se jkollhom żgur preżenza importanti, għallinqas fejn jidħlu l-kowċis. Din hija prova ta’ kemm il-faxxinu tal-iskola tal-futbol Taljan qed jikber iktar ma jgħaddi ż-żmien, tant li mhux biss timijiet ta’ klabbs barranin imma anki timijiet nazzjonali qed jagħżlu dejjem iktar kowċis Taljani.

Bħala kowċis u nazzjonalitajiet fil-finali tal-EURO 2024 insibu lil Spanja b’żewġ kowċis (De La Fuente jmexxi lit-tim Spanjol, u Martinez lit-tim Portugiż); Franza b’żewġ kowċis ukoll (Deschamps imexxi lit-tim Franċiż u Sagnol lit-tim tal-Gorġja); u anki l-Ġermanja b’żewġ kowċis oħrajn (Nagelsman imexxi lit-tim Ġermaniż, u Rangnick imexxi lit-tim Awstrijak).

Ta’ min ifakkar li l-preżenza tal-kowċ hija importanti mhux biss fil-fażi tat-taħriġ, imma anki fl-għażla tal-plejers, skont kontra liema tim se jkunu qed jilagħbu. Matul il-logħba naraw li l-kameras spiss jiffukaw fuq il-kowċis tat-timijiet inkwestjoni li skont iċ-ċirkustanzi tarahom iċapċpu, jgħajtu, jirrabjaw, jissuġġerixxu tibdil ta’ pożizzjonijiet lil plejers partikolari, jigdmu difrejhom, jitbissmu, jitkerrhu, jipprotestaw, xi drabi saħansitra jibilgħu xi karta safra jew ħamra.

Awguri lit-timijiet kollha u visa l-fair play!

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com