MA NIBŻGĦUX MILL-EŻAMIJIET TAL-AĦĦAR TAS-SENA!
Is-sajf huwa l-istaġun mistenni minn eluf ta’ studenti għax ifisser mistrieħ mill-iskola, tqum filgħodu f’ħin diċenti, xejn coaches jew vannijiet, u fuq kollox vaganzi, xalar, xemx u baħar. Imma dan ma jiġix qabel perijodu li għal bosta jista’ jkun stessanti mhux ftit. Huwa żmien ta’ reviżjoni ta’ tant suġġetti u ta’ preparazzjoni għall-eżamijiet tal-aħħar tas-sena.
Idealment, il-materjal li rridu nistudjaw għall-eżamijiet ma nħalluhx jinġema’ kollu fl-aħħar jiem jew ftit sigħat qabel. Għandna nirrevedu dak li nkunu għamilna matul is-sena regolarment, niktbu n-noti mqassra tagħna, meħudin anki minn kotba, ġurnali jew siti online indikati. Strateġija tajba hija dik li meta nagħmlu r-reviżjoni u niktbu n-noti personali tagħna nużaw tabelli riassuntivi, jew mind maps. Tajjeb ukoll li nużaw kuluri differenti, inqassru n-noti f’punti f’format bullet point. Kollu jgħin biex moħħna jiftakar iktar, b’inqas tbatija.
Hemm min iħobb jistudja u jirrevedi waħdu, magħluq f’kamartu, u fis-silenzju, oħrajn ħallihom jisimgħu l-mużika waqt dan il-proċess. Iżda, minkejja li nkunu waħedna, spiss niġu mtellfin minħabba l-messaġġi differenti li nirċievu bil-mobile li erħilu jdoqq jew jivvibra biex javżana li xiħadd ikun ftakar fina u jixtieq jgħaddi kumment, imqar ħmerija. Tajjeb li waqt is-sigħat tal-istudju u reviżjoni nħallu l-mobile mitfi jew ’il bogħod minna, u jekk verament bżonn, niċċekkjawh kull tant żmien stipulat minn qabel biex ma jtellifniex.
Hemm min sab sistema aħjar li taf taħdem ukoll: dik li jiftiehem ma’ tnejn jew tlieta minn ħbiebu tal-klassi, jippreparaw partijiet differenti ta’ suġġett partikolari, u wara jiltaqgħu u jiddiskutu bejniethom dak li jkunu qraw u annotaw. Fi grupp hekk ikun hemm it-tpartit tal-ideat, id-djalogu, u b’hekk inkunu qed naraw suġġett partikolari minn perspettivi differenti.
Hemm min jagħżel kamartu bħala l-post tal-istudju, oħrajn il-librerija tal-iskola, oħrajn jippreferu joħorġu għad-dawl tax-xemx f’xi terrazzin jew gallarija, jew fi grupp f’xi park naturali biex wara jsir piknik jew xi mixja li sserraħ minn kull piż psikoloġiku.
Niftakru: m’għandniex nibżgħu mill-eżamijiet jekk inkunu ppreparati. Il-ħajja hija kollha provi bħal dawn.