“Ma qed inħossni ma niflaħx, tini l-Calpol”…kontu tgħiduha?
Il-vizzju ta’ “ibla’ panadol” mal-inqas farka ta’ uġigħ li tħoss f’ġismek huwa wieħed b’saħħtu hawn Malta. Probabbilment, jekk ikollna nistaqsu lill-farmaċiji lokali, liema mediċina jbigħu l-aktar, il-panadol se ssibha l-ewwel fil-lista.
Dan l-atteġjament jibda minn meta nkunu żgħar u nduqu għall-ewwel darba il-calpol. Dik il-mistura roża, ħelwa manna, li mal-inqas ajma ngħidu: “Ma qed inħossni ma niflaħx, tini l-Calpol!” Iżda l-użu frekwenti ta’ din il-mediċina, jagħmel ġid jew jagħmel il-ħsara?
Il-Calpol hija mediċina paracetamol li ġeneralment tingħata f’każ meta t-tfal ikollhom id-deni. Filwaqt li t-tobba lill-ġenituri jgħidulhom biex ma jużawx din il-mediċina b’mod frekwenti u mingħajr konsultazzjoni tat-tabib, ir-reklamar tagħha jiffoka biss fuq ir-riżultat ta’ tarbija kuntenta, minflok fuq ir-raġunijiet għaliex din il-mediċina għandha tingħata lit-tfal. Ovvjament, l-għan tal-ġenituri huwa li jaraw lit-tfal kuntenti u li jnaqqsulhom l-uġigħ.
Professur pedjatriku mill-University College London, sostna li meta jkun hemm użu skorrett ta’ din il-mediċina, wieħed jista’ jżid ir-risku li t-tfal jiżviluppaw ażma, jew saħansitra jinħoloq dannu fil-qalb, il-fwied u l-kliewi. Skond dokumentarju li sar mill-BBC, din il-mistura laqqmuha “l-eroina tat-tfulija”, dan hekk kif illum, it-tfal qed jikkunsmaw tliet darbiet aktar mediċina meta mqabbel ma’ 40 sena ilu.
Minkejja dan il-laqam, speċjalisti ta’ mediċina li tista’ toħloq vizzju jew dipendenza jgħidu li l-Calpol mhix mediċina li tista’ toħloq vizzju fit-tfal. Dan hekk kif din il-mediċina fiha biss il-paracetamol u m’għandhiex elementi oħrajn li jistgħu jwasslu għall-iżvillupp ta’ vizzju. Hija sikura meta wieħed jagħti d-doża rakkomandata, fejn verament hemm bżonnha.
Caption: It-tfal jgħidulkom li jridu l-Calpol għax togħġobhom it-togħma?