MAA X’BIŻA’… Agħlaq għajnejk u sodd widnejk!
Min jiftakar il-films li konna naraw filgħaxija fuq l-istazzjonijiet televiżivi privati Taljani fis-snin ’80 u ’90? Apparti l-istazzjon televiżiv Malti, li kien uniku, konna nsegwu kollox bl-ilsien Taljan permezz tar-RAI jew tal-kanali l-iktar segwiti Italia 1, Rete 4 u Canale 5.
Ma ninsiex ċerti films li kont insegwi bħala adolexxent ma’ missieri filgħaxija wara li ġew iddabbjati għat-Taljan. Ċerti xeni minnhom kienu jqajmu ġismi xewk. Qed nirreferi għal films bħal Grizzly (1976) fejn ors ta’ 5 metri u nofs jattakka u jitterrorizza l-campers ta’ park nazzjonali fl-Amerka, b’ranger jiġġieled kontrieh. Fl-1977 kien ħareġ The Pack, fejn nies li kienu għażlu li jqattgħu vaganza f’Sea Island fl-istat ta’ Georgia, fl-Istati Uniti, jiġu attakkati minn grupp ta’ klieb li sfaw abbandunati mis-sidien tagħhom, anki huma xi darba turisti. Piranha kien tal-1978: ħut karnivoru żgħir jiġi aċċidentalment mitfugħ fi xmara miżgħuda b’għawwiema jgawdu l-istaġun sajfi. Fl-1980 ħareġ Alligator: hawn xi ħadd kien ifflaxxja alligatur tat-twelid li ssopravviva fil-kanali tad-dranaġġ ta’ taħt New York biex 12-il sena wara nbidel f’alligatur ġgant wara li kien jiekol il-karkassi ta’ klieb tal-laboratorji injettati b’ormoni partikolari, u issa beda jattakka saħansitra l-bnedmin. U dan bla ma nsemmi films oħra bħal The Exorcist (1973), jew The Texas Chain Saw Massacre (1974) jew Jaws (1975), li bosta jafu bihom żgur.
Kienu films li konna naraw filgħaxija, ‘prima serata’, u min jaf kemm ħasduna, beżżgħuna tant li għajjatna, għattejna wiċċna, żammejna n-nifs, u ħadna r-ruħ malli spiċċaw. Imma konna verament nieħdu gost għax konna nsiru parti mill-istorja u nitwaħħdu mal-protagonisti.
Min jaf kemm minna għaddew iljieli sħaħ joħolmu ikrah jew ma jorqdux minħabba suspett ta’ ħoss mhux tas-soltu jew nebħa fil-qrib, u dan kollu effett ta’ dawn il-films terrifikanti!
Illum bħal ħadu post dawn il-films oħrajn li jirrakkontaw l-istorja ta’ umanità li tintlaqat minn viruses differenti, jew li tinbidel f’vampiri jew saħansitra zombies. Nistaqsi però, kemm għad hawn min jieħu films bħal dawn bis-serjetà?