Minn ġojjelli, għal dekorazzjonijiet u ġugarelli…it-talent Malti fl-artiġġjanat napprezzawh?
Nafu li Malta hija gżira żgħira li kważi kważi lanqas biss tidher fuq il-mappa tad-dinja. Iżda minkejja li forsi neqsin mill-ispazju, hemm ħaġa waħda li żgur m’aħniex neqsin minnha: it-talent, partikolarment fejn jidħol l-artiġġjanat.
Infatti, f’Malta insibu komunità vibranti ta’ persuni kreattivi li kapaċi joħolqu prodotti uniċi, differenti u speċjali, partikolarment għax taf li dak li se tixtri mingħandhom huwa magħmul bl-idejn.
L-artiġġjanat Malti jmur lura diversi sekli u huwa influwenzat minn diversi ċiviltajiet li ħallew il-marka tagħhom. Fost l-artiġġjanat tradizzjonali, issib il-bizzilla li kienet introdotta mill-Kavallieri ta’ San Ġwann lura fis-seklu 16. Id f’id magħha hemm ukoll it-tradizzjoni tal-filugranu, fejn wieħed joħloq ġojjelli u anke opri tal-arti permezz ta’ ħjut tal-fidda.
Aktar kemm għadda żmien, aktar daħlu tradizzjonijiet kreattivi ġodda. Infatti ħafna mill-persuni ġodda fid-dinja tal-artiġġjanat Malti tal-lum jispiraw ruħhom minn ideat internazzjonali u minnhom saħansitra joħorġu prodotti uniċi u ispirati mill-istorja ta’ pajjiżna.
Illum il-ġurnata ssib bosta negozji żgħar li joħolqu prodotti taċ-ċiramika, tal-ħġieġ jew tal-fuħħar, oħrajn li joħolqu prodotti differenti permezz tal-kroxè sa minn ġugarelli għal ġojjellerija u anke ħwejjeġ u basktijiet. Issib artisti bi kreattivita unika li joħolqu disinnji, pitturi u tpinġijiet li jħalluk imbellaħ bil-bravura tagħhom.
Iżda aħna l-Maltin, napprezzaw biżżejjed lil dawn l-artisti u nuru s-sapport tagħna għan-negozji ż-żgħar fil-gżejjer tagħna?
Ħaġa waħda li żgur qed naraw isseħħ aktar kemm jgħaddi ż-żmien, huwa l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti li jpoġġu negozji żgħar tal-artiġġjanat taħt il-lenti tal-pubbliku. Avveniment partikolari se jkun qed isir propju nhar il-Ħadd li ġej, 16 ta’ Ġunju, f’Jum il-Missier ġewwa Forti Sant’Iermu.
L-avveniment li jġib l-isem ta’ Selfmade Market Malta, huwa organizzat minn nofacemt, Lincole Handmade u Carina Print & Designs. Hawnhekk se jkollkom l-opportunità li tiltaqgħu ma’ diversi persuni ġodda fil-qasam tal-artiġġjanat Malti, taraw u anke takkwistaw il-prodotti oriġinali tagħhom. Dawk kollha li jattendu se jkunu jistgħu jipparteċipaw ukoll f’kompetizzjoni sabiex jirbħu varjetà kbira ta’ prodotti magħmulin bl-idejn, kif ukoll jaċċessaw il-parti esterna ta’ Forti Sant’Iermu mingħajr ħlas.