Modi ‘ġodda’ ta’ trobbija ta’ min jevitahom

 Modi ‘ġodda’ ta’ trobbija ta’ min jevitahom

Il-maġġoranza assoluta tal-ġenituri/gwardjani jagħmlu l-almu tagħhom biex jagħtu trobbija xierqa lill-ulied. Dawk li jaħdmu mat-tfal, bħall-edukaturi, qed jinnutaw ċerti affarijiet li iktar qed jagħmlu ħsara milli ġid.

  1. It-tfal iridu jaċċettaw diżappunt għax dik hija ħila essenzjali għall-ħajja. Mhux tajjeb li l-ġenituri jagħmlu li jistgħu biex uliedhom jirnexxu dejjem.
  2. Meta l-għalliema jiġbdu l-attenzjoni li t-tfal għandhom bżonn l-għajnuna, hi x’inhi, hemm ġenituri li jeħduha kontrihom u ma jaċċettawx parir professjonali.
  3. Jekk il-ġenituri jagħmlu kollox għal uliedhom, iwassluhom biex ma jeħdux inizjattiva u jitgħażżnu, anki f’affarijiet bażiċi.
  4. Minn ċkunithom, xi tfal jingħataw l-impressjoni li xejn mhu xejn u kollox jgħaddi; jikbru ma jaċċettawx li mġibithom għandha l-konsegwenzi.
  5. Meta xi ġenituri jirċievu avviż mill-iskola fuq imġiba ħażina ta’ wliedhom, jagħtu raġun lit-tfal u jikbru mingħajr rispett lejn ir-regoli u l-awtorità.
  6. Hemm differenza bejn ġenituri ġentili u ġenituri assenti. Il-ġenituri jridu jkunu hemm dejjem għal uliedhom biex jiggwidawhom u jindukrawhom.
  7. L-ulied iridu jitrawmu li mhux kulma jitolbu jingħataw jew jagħmluh; ‘LE’ mhix sagrileġġ. B’hekk fil-futur ikunu sodi biex jgħidu ‘LE’ f’ċirkustanzi differenti.
  8. Il-kastigi qed isiru iktar rari. Filwaqt li s-swat huwa xi ħaġa li m’għandhiex tkun, jeżistu iktar alternattivi biex it-tfal iġarrbu konsegwenza għal imġieba ħażina.
  9. Tajjeb li t-tfal ikollhom attivitajiet differenti matul il-ġimgħa biex ikunu impenjati, imma jekk jitgħabbew iżżejjed jispiċċaw jirribellaw.
  10. L-apparat diġitali sar għodda importanti imma:
    1. jekk it-tfal jitrawmu bil-mobile jew it-tablet minn mindu jkunu trabi minflok kuntatt fiżiku mal-oħrajn jaf ikollhom ħiliet soċjali mnaqqrin.
    2. billi jkunu jafu jfittxu soluzzjoni għal kollox online tonqos il-kreattività u l-ħila tal-ħsieb kritiku.
    3. ma jistax jieħu post l-irqad u, idealment, qabel ikollhom siegħa mingħajru; jekk ma jistriħux kemm suppost, ikunu għajjenin filgħodu.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com