Nilagħbu logħba Pickleball?
Il-maġġoranza taf x’inhu t-tennis, u forsi ftit inqas persuni semgħu wkoll bil-padel, imma kemm minna jafu bil-pickleball?
Dan hu tip ta’ sport li jmur lura għas-sena 1965, imwaqqaf minn Joel Pritchard, Bill Bell u Barney McCallum f’Bainbridge Island, Washington, l-Istati Uniti. Proprju mill-2022 hu l-isport uffiċċjali ta’ Washington. Dan hu sport eċċitanti, taħlita ta’ tennis, badminton u ping-pong, u li jista’ jintlagħab kemm ġewwa kif ukoll barra.
Għalhemm il-pikleball jista’ jixbah lit-tennis jew table tennis, għandu regoli, rakketti u dimensjonijiet tal-court differenti. Matulu jistgħu jilagħbu żewġ plejers (singles) jew erbgħa (doubles) permezz ta’ rakketta – ikbar minn dik tat-table tennis – u ballun tal-plastik iebes u vojt minn ġewwa bit-toqob u jaqbeż inqas mill-ballun tat-tennis. Il-court hu twil 13.4 metri u wiesa’ 6.1 metri, b’xibka fin-nofs għolja 86 ċentimetri.
Fuq kull naħa tax-xibka hemm żona (ta’ 2.1 metru) magħrufa bħala l-kitchen (jew non-volley zone), fejn pleyer ma jistax jolqot il-ballun jekk qabel ma jkunx laqat l-art u qabeż. Is-serves iridu jsiru minn taħt filwaqt li l-punt jista’ jintrebaħ biss mis-server. Hemm ukoll ammont minimu ta’ meta l-ballun jista’ jmiss l-art u jaqbeż. Dan kollu jagħmel mill-pikleball logħba b’pass dinamiku.
Bejn l-2021 u l-2023 il-pikleball kien l-iktar sport li kien qed jikber b’rata mgħaġġla fl-Istati Uniti, b’4.8 miljun plejer. Hu daqstant popolari għax:
- ma tridx ħafna ħin biex titgħallem ir-regoli tiegħu;
- jappella għal persuni ta’ età u livell ta’ fitness differenti;
- ma tridx tonfoq ħafna flus biex tibda tilagħbu.
S’issa l-pikleball għadu mhux parti mill-isports Olimpiku, imma jeżistu żewġ federazzjonijiet internazzjonali li jirrappreżentawh: l-IFP (International Federation of Pickleball) li twaqqfet fl-2010 u llum għandha b’aktar minn 60 membru nazzjonali, u l-WPF (World Pickleball Federation) li twaqqfet fl-2018, b’37 nazzjon membru.
F’Malta għandna l-Malta Pickleball, imwaqqfa fl-2019 minn Steffi Pace Girard, pijuniera ta’ dan l-isport f’pajjiżna. F’Malta għandna żewġ timijiet – 19+ u 50+ – li ġew l-ewwel fil-kompetizzjoni internazzjonali li seħħet riċentement fil-Kulleġġ ta’ De La Salle f’Malta.