“Ninsab inkwetat għax l-age gap bejnietna hija sostanzjali”
Suġġett li qed joħroġ ħafna waqt it-tieni staġun ta’ Love Island huwa propju d-differenza fl-età bejn il-koppji. Rajna kemm lil Kyonne u Ylenia, u issa anke lil Edward u Kyannah jesperjenzaw diffikultajiet meta jaħsbu dwar id-differenza fl-età ta’ bejniethom. Minkejja li hawn uħud li kapaċi jħarsu oltre l-età, sfortunatament huma diversi dawk li ma jirnexxielhomx jinsew dan il-fattur.
Sabiex relazzjoni tat-tip tkun ta’ suċċess, wieħed hemm bżonn li jifhem id-dinamika taż-żewġ persuni. Ħafna drabi, iż-żewġ partners ikunu fi stadji kompletament differenti ta’ ħajjithom. Filwaqt li persuna jaf tkun għadha qed tipprova tistabbilixxi karriera, il-persuna l-oħra jaf ilha perjodu taħdem u kemm kemm ma tixtieqx li waslet għaż-żmien li tirtira. Id-differenzi bħal għażliet tal-ħajja, livelli ta’ enerġija, u għanijiet tal-futur jaf jaffettwaw id-dinamika tar-relazzjoni. Li wieħed iżomm il-komunikazzjoni dejjem miftuħa u onesta huwa importanti għas-suċċess ta’ relazzjoni tat-tip.
Apparti minn hekk, dawn il-koppji ħafna drabi jkollhom jaffaċċjaw l-iskrutinju tas-soċjetà. Ħafna huma dawk li jiġġudikaw u jippruvaw jifhmu x’inhuma l-mottivi ta’ persuna li qed toħroġ ma’ xi ħadd ta’ età ħafna iżgħar jew ħafna ikbar. Huwa essenzjali li l-koppja tiżviluppa reżiljenza mentali sabiex ma tippermettix li kummenti ta’ persuni madwarha jaffettwaw ir-relazzjoni tagħha.
Xi ftit punti li jistgħu jgħinuk sabiex ir-relazzjoni tiegħek tkun ta’ suċċess:
- Ikkomunika b’mod regolari u kun trasparenti.
- Ara li tirrispettaw u tifhmu lil xulxin, partikolarment l-esperjenzi tal-ħajja ta’ xulxin.
- Ikkultivaw interessi u attivitajiet komuni sabiex issaħħu r-relazzjoni.
- Ibnu grupp ta’ ħbieb u membri tal-familja li jissapportjaw ir-relazzjoni tagħkom.
- Iddiskutu l-pjanijiet għall-futur, sabiex tassiguraw li l-viżjoni tagħkom hija xi ħaġa li t-tnejn tistgħu tkunu kuntenti biha.