Roller Coaster Naturali fl-Ajru! Għala? Ta’ periklu?

 Roller Coaster Naturali fl-Ajru! Għala? Ta’ periklu?

Is-sema oċean, b’kurrenti u mewġ li ma jidhrux imma jeżistu. Bħalma l-baħħara jbaħħru l-ibħra, il-piloti jsuqu l-ajruplan fl-ajru f’ċirkustanzi li jinbidlu. It-turbolenza hija t-tqanqil irregolari tal-arja li jibdel il-veloċità u d-direzzjoni minħabba l-kurrenti, fronti meteorolġiċi (bħal maltempati) u ċ-ċaqliq tal-jet streams.

Hemm bosta tipi ta’ turbolenza:

  • Clear air turbulence: Isseħħ f’sema safi, fil-għoli, fil-jet streams. Diffiċli tbassarha u ma tidhirx. Din taħkem f’daqqa u ċċaqlaq l-ajruplan, imma ma ddumx. Biex jiskansawha, il-bdoti jsuqu ’l fuq jew ’l isfel.
  • Thermal turbulence: Hi magħmula mill-arja sħuna li titla’ minflok l-arja kiesħa. Dan il-fenomenu jidher għax joħloq sħab partikulari fi ġranet sħan meta l-ajruplan itir fuq l-art. Il-maġġoranza ta’ din l-arja tkun taħt l-ajruplan u jekk tkun ’il fuq, il-bdoti jsuqu madwarha.
  • Mechanical turbulence: Din tinħoloq mir-riħ li jonfoq fuq siġar, bini, għoljiet u muntanji u jinħoloq mewġ fl-arja li jobrom. Ma tantx iċċaqlaq l-ajruplan jekk tolqtu minn quddiem imma jekk taħbat mill-ġenb, jitbandal. Il-bdoti jsuqu fuqha jew taħtha biex jevitawhom.
  • Wake turbulence: Jekk l-ajruplan ikun wara ajruplan ieħor qrib, min ikun wara jinħakem minn arja instabbli. Din jaf iċċaqlaq l-ajruplan imma l-bdot jista’ jiskansaha malajr.

It-turbolenza hija ta’ periklu? Le, mhix ta’ periklu, sempliċiment skomda. L-ajruplan mhux se jaqa’ jew jiġrilu l-ħsara. L-istruttura kollha tal-ajruplan mibnija apposta biex tilqa’ għal fenomeni naturali bħal dawn. Il-bdoti huma mħarrġin sew; iħejju t-titjira, jitkellmu ma’ bdoti oħrajn u jikkordinaw mat-torrijiet tal-avjazzjoni biex, fejn possibbli, jiskansaw jew inaqqsu ċ-ċaqliq. Ilu iktar minn erbgħin sena ma jiġġarraf ajruplan minħabba t-turbolenza!

Jekk tpoġġi fis-siġġijiet ta’ mal-ġwienaħ jew fil-parti ta’ quddiem tal-ajruplan, jaf tħoss it-turbolenza inqas. Ladarba l-ajruplan jaf ibiddel id-direzzjoni f’daqqa, l-aħjar li tibqa’ bilqiegħda biċ-ċinturin maqful waqt it-titjira.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com