Taf liema hu l-ikbar organu ta’ ġismek?
Xi ħaġa li narawha kuljum, immissuha, nużawha u lanqas idea li din hi l-ikbar organu ta’ ġisimna. Il-ġilda! Din tiksi ’l ġismek kollu; tkopri madwar għoxrin pied kwadru, jew 1.86 metri kwadri fl-adulti, imma jaf tkun iżjed jekk ikunu itwal jew miftuħin.
Fiha tliet saffi: l-epidermis, is-saff ta’ barra li naraw; id-dermis, is-saff tan-nofs; u s-subcutaneous tissue, li tinsab fil-parti ta’ taħt. L-eħxen partijiet huma l-pali tal-idejn u l-qiegħ tas-saqajn u l-irqaq hija l-kappell tal-għajnejn. Ħaġa tal-għaġeb li l-ġilda kapaċi tiġġebbed u tmur lura għal li kienet.
Iċ-ċelloli tal-ġilda jibdew mis-saff ta’ isfel u jibqgħu tilgħin ’il fuq fi proċess li jieħu madwar 30 jum. Fuq nett tal-epidermis huwa magħmul minn ċelloli mejtin li eventwalment isiru trab. Il-ġilda hija tarka kontra l-infezzjoni ta’ mikrobi billi tagħrafhom u tgħin fil-ġlieda kontrihom.
Il-ġilda tikkontrolla t-temperatura tal-ġisem permezz tal-għaraq u l-espansjoni tal-vini u l-arterji. Is-sens tal-mess li għandna bis-saħħa tagħha jgħinna nħossu l-affarijiet, it-tibdil fit-temperatura, l-uġigħ u l-għafis.
Apparti milli żżomm l-ilma milli jidħol jew joħroġ mill-ġisem, il-ġilda tipproduċi l-melanina, kimika li tagħti l-kulur lill-ġilda u tħares lill-ġisem mir-raġġi tal-UV. Biss, din teħtieġ ix-xemx f’ammont limitat ħalli tipproduċi l-Vitamina D li ssaħħaħ l-għadam u tagħmel is-sistema immunitarja effiċjenti.
Għandha l-poter li tirriġenera biex tfejjaq qatgħat u grif fi proċess li jifforma ġilda ġdida fuq perjodu ta’ żmien. Barra hekk kapaċi tiġġebbed u tmur lura għall-forma propja tagħha l-ħin kollu.
Għaldaqstant, meta nifhmu r-rwol essenzjali tal-ġilda rridu nieħdu ħsiebha billi nnaddfuha regolarment, inħarsuha mill-ħsara u nieklu ikel tajjeb biex immantnuha.