Tasal tgħid lil xi ħadd li l-partner qed jaqlibhielha/ taqlibhielu?
Kull informazzjoni li jkollok fil-ħajja hija poter. Imma hija ukoll responsabilita’ , u meta tkun ser tagħmel xi ħaġa biha, eżempju taqsamha ma’ xi ħadd trid tara li ma tkunx ser tagħmel aktar ħsara milli ġid. Waħda mill-aktar dilemma li tagħmel x’tagħmel taf tkun sikkina taqta’ minn żewġ naħat, hija jekk għandekx tgħid lil xi ħadd illi l-partner tiegħu/ tagħha qed ifittex nisa jew irġiel oħra
Għandi ninforma lil persuna kkonċernata jew le? M’hemmx risposta tajba jew ħażina. L-ewwel nett jekk naslu li niddeċiedu li ninfurmaw lil dak li jkun, għandna nagħmlu dan biss għax irridu il-ġid, u mhux bl’għan prinċipali illi nagħmlu l-ħsara jew inkissru lil dak li jkun
Li tinforma persuna li l-partner tagħha/ tiegħu m’għadux leali, taf tfisser weġgħa ta’ qalb għal peruna vittma. Minn naħa l-oħra, persuna li ġiet ittraduta, taf tħossha ittraduta doppja jekk tkun taf li int kont konxju u ma tarraftilha xejn minn dak li kien għaddej madwarha
Dilemma, u mistoqsija oħra li żgur ser tgħaddi minn moħħna meta inkunu nafu xi ħaġa hekk dwar xi ħadd hija jekk għandiex inkunu aħna li ntarrfu lil dak li jkun, bil-konsegwenza li bi kliemna nistgħu inwasslu għal separazzjoni. Id-dilemma: Nitkellem u jaf jispiċċaw jinfirdu; jew nagħlaq ħalqi u nħallih jitmellaħ bih/a, imma jibqgħu flimkien?
U fuq kollox ser niġi emmnut? U jekk fuq kollox il-vittma taħfer u tgħid lil partner illi kont jien illi infurmajtha dwar dak li kien għaddej?
U jien għandi kuxjenza nara tfal jispiċċaw b’ġenituri mifrudin minħabba lsieni? Imma jien għandi kuxjenza li nħalli raġel / mara għaddej minn din l-umiljazzjoni?
Kull pass li ser tieħu huwa dilemma. L-importanti illi tifhem u terfa’ responsabiltà ta’ kull mhu se tagħmel