Tagħlaq il-famuża Happy School, “Issa fil-bitħa taqa’ s-sikta”
Din is-sena skolastika kienet l-aħħar waħda għall-famuża binja li tospita l-iskola primarja tar-Rabat Għawdex magħrufa ma’ bosta bħala l-Happy School. L-iskola primarja tal-kulleġġ t’Għawdex, il-Vajrinġa, għalqet il-bibien tagħha hekk kif mis-sena skolastika li jmiss, l-istudenti se jkunu qed jirrilokaw f’binja ġdida.
Il-Kap tal-iskola, Lelio Spiteri, tella’ post fuq Facebook nhar il-Ħamis, 27 ta’ Ġunju, fejn esprima l-emozzjonijiet tiegħu f’dawn l-aħħar jiem tal-iskola.
“Emozzjonat wisq. Qed nibża’ li mhux ser inkun kapaċi ntemm l-assembly ta’ dalgħodu. Wara 170 sena ta’ storja, illum l-iskola tal-Vajrinġa tagħlaq il-bibien tagħha bħala istituzzjoni edukattiva. Għall-aħħar darba llum niltaqgħu bħala familja f’dik il-bitħa li rat eluf ta’ tfal u edukaturi matul is-snin, semgħet talb, kant u daqq, ħasset emozzjonijiet puri, daqet it-togħma tal-istaġuni kkuluriti ta’ ħajjet it-tfal u l-kbar u xammet u xorbot il-ħlewwa, il-benna li kapaċi joffru biss it-tfal,” qal hu.
Kompla, “Tislima mill-qalb lil tant edukaturi u kapijiet ta’ skola li taw qalbhom fl-iskola tagħna, speċjalment lil dawk li qegħdin ħdejn il-Mulej u lil tant u tant tfal li kellhom ix-xorti jirċievu ħafna tagħlim sabiħ fil-klassijiet, fil-kurituri, fl-ispazji miftuħa. Wara llum, fil-bitħa taqa’ s-sikta. Iżda l-ħitan ser jibqgħu xhieda dejjiema ta’ familja li għal tant snin sabet fil-post kenn, tama, imħabba, opportunitajiet fejn wieħed seta’ jimraħ, jogħla ‘l fuq, jiskopri orizzonti ġodda. Grazzi kbira lill-Ħallieq li ppermetta dan kollu.”
Jitkellmu wkoll eks studenti u ġenituri…
Intant, kienu diversi dawk l-eks studenti li tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom f’din l-iskola partikolari. Brian Azzopardi qal, “Jien qattajt ħames snin bħala student f’din l-iskola. Hekk għamlu eluf u eluf ta’ tfal Rabtin. Hekk għamlu ukoll l-erba’ uliedi. Kull meta nidħol f’din l-iskola ħlief memorji sbieħ ma niftakarx. Tliet ġimgħat ilu kelli x-xorti niltaqa’ ma’ Miss Zammit li 43 sena ilu kienet tgħallimni Yr 5. Avolja mdaħħla sew fiż-żmien għarfitni u dan hu xhieda tal-imħabba li dejjem urewna.”
Oħrajn irringrazzjaw lil Lelio Spiteri, il-Kap tal-Iskola talli verament ħoloq atmosfera ta’ ferriħijja u ta’ kuntentizza għat-tfal li matul is-snin attendew f’din l-iskola. George Mercieca, f’post iddedikata għas-surmast qal, “l-iskola m’hix il-binja tal-ġebel imma n-nies li jsawwruha. Apparti li uliedna f’Settembru li ġej se jsibu skola moderna u attrezzata għaż-żminijiet tal-lum, ċert u persważ li l-istess spirtu ferrieħi tal-happy school il-qadima nieżel fil-happy school il-ġdida.”
X’qalu l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta?
Intant, f’post ippubblikata fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, ġie spjegat kif l-iskola kien ilha tilqa’ fiha tfal sa mill-1856, jiġifieri 168 sena! Intant, fl-1893, kien inbena sular ieħor biex iservi ta’ Librerija Pubblika, fejn jinsab l-Arkivju ta’ Għawdex. It-tama tal-arkivju huwa li ladarba l-binja ġiet vakata, jiġi allokat spazju addizzjonali biex ikompli jaqdi l-missjoni tiegħu.
Aħna ta’ Strada Rjali nawguraw futur mill-isbaħ lill-famuża Happy School u nittamaw li l-ispirtu ferrieħi jsib postu wkoll fil-binja l-ġdida, fis-sena skolastika li jmiss.
Messaġġ emozzjonanti mill-Kap tal-Iskola! Aqraw aktar minn hawn