Tibqa’ f’kuntatt jew taqta’ kompletament meta tħassar minn relazzjoni?
Mumenti kemxejn antipatiċi. Dilemmi u tiġi daharek mal-ħajt. Jiddependi fuq il-każ u fuq il-karattri tal-persuni nvoluti.
Jekk relazzjoni ntemmet bi qbil u bil-paċi, jista’ jkun hemm lok ta’ ħbiberija xorta waħda. Iżda din xorta tista’ twassal għal mumenti morri minħabba bosta raġunijiet. Tista’ tidħol l-għira jekk xi ħadd mill-koppja jibda relazzjoni ġdida. Jista’ jkun hemm tifkiriet ta’ memorji li jqanqlu uġiegħ. Mill-banda l-oħra ssib min ikun kapaċi jżomm bilanċ u jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn, tant li jispiċċaw ħbieb kbar sa anke jintroduċu s-sieħeb/sieħba l-ġdid lil xulxin.
Minkejja dan kollu, jekk taħseb li l-kuntatt se jiswik ħażin u jaffettwak b’mod negattiv, huwa dejjem aħjar titfa’ l-istorja warajk u tħares ‘il quddiem. Dan jgħinek biex ma tibdhiex twaħħal fik innifsek jew inkella tispiċċa taqa’ f’mumenti fejn jibda jiddispjaċik tal-pass li tkun għamilt.
Dan iżjed u iżjed jekk ir-relazzjoni ma tkunx intemmet fuq nota pożittiva.
Jiddependi minnek u xi trid minn ħajtek. Jekk tinsab f’salib it-toroq, ħu parir mingħand professjonisti fis-settur. Il-ħajja mhux dlam biss, dejjem jibnazza wara.