Tiddejjaq taħdem fl-istess post tax-xogħol ma’ nies li jiġu minnek?
Issib min jgħidlek illi ma jara xejn ħażin illi jkollok membri tal-familja jaħdmu miegħu fl-istess post tax-xogħol. Oħrajn jippreferu illi ma jkollhomx qraba jaħdmu magħhom, għaliex dak li jiġri fuq il-post tax-xogħol jista’ jaffetwa il-ħajja privata tal-persuni involuti. Biżżejjed xi ħadd jitgħażżen xi ftit jaf iwassal sabiex jinħoloq argument żgħir illi jista’ jkompli id-dar
Hawn kumpaniji illi għandhom regoli illi ta’ lanqas ma jippermettux qraba jaħdmu fl-istess sezzjoni, imma hawn oħrajn li ma jaraw xejn ħażin, sakemm tinżamm relazzjoni professjonali waqt il-ħin ta-xogħol. Li qraba jaħdmu flimkien mhux xi ħaġa ġdida. Fl-imgħoddi kien ikollok familji sħaħ illi jaħdmu “ taħt l-istess saqaf” fl-għelieqi jew fin-negozji tal-familja. Imma wieħed mill-vantaġġi ta’ dak iż-żmien kien illi kellek kap wieħed “ tal-kumpanija” , normalment il-missier. B’hekk ħadd ma kien jipprova javvanza a skapitu tal-qraba tiegħu, u l-kelma ta’ dan il-“manager” kienet tkun biżżejjed sabiex twaqqaf kwalunkwe argument illi seta’ jinħoloq
Wieħed mill-vantaġġi illi jkollok meta taħdem mal-qraba hu li ħafna drabi tista’ tafda aktar milli tista’ tafda persuna illi ma tantx tafha. Minn naħa l-oħra, tista tiġi illi tant taf il-persuna illi ma tafdahx, jew għax taf illi mhux kapaċi jew għax taf affarijiet privati fuqu. Anki jekk ikun hemm argument, jaf ikun hemm ir-riskju illi affarijiet illi tafhom biss għax huma familjari, illi jispiċċaw jiżżefnu fl-argument
Vantaġġ ieħor li jaf ikollok jekk taħdem ma’ qraba illi forsi jistgħu joffru aktar empatija jekk ikunu konxji illi għaddej minn xi problema familjari. Li kumpanija tħalli membri tal-istess familja fl-istess post tax-xogħol, ukoll tinvolvi ż-żewġ naħat tal-munita. Minn naħa jista’ jkollok il-vantaġġ illli dawn in-nies ikunu leali għal xulxin, allura mhux ser jagħmlu affarijiet, bħal sick għal xejn, sabiex iwaħħlu aktar xogħol lil kollegi. Minn naħa l-oħra jaf ikollok l-iżvantaġġ illi jekk ikun hemm xi ħaġa ħażina, qraba mhux ser jikxfu lil xulxin
Kollox fih il-vantaġġi u żvantaġġi tiegħu. L-importanti illi meta jittieħdu deċiżjonijet dwar xogħol, kulħadd jara illi mhux biss mhux se jkun affetwat ix-xogħol, imma lanqas il-familja.