Tirriskja aktar għall-imħabba jew għall-flus?
Il-mistoqsija dwar jekk il-bniedem jirriskjax aktar fejn tidħol l-imħabba jew fejn jidħlu l-flus hija mistoqsija li r-risposta tagħha tiddependi ħafna mill-motivazzjoni ta’ dak li jkun. Wieħed jagħżel kemm jirriskja u x’jirriskja skond il-valuri tiegħu, il-kuntest kulturali jew is-sitwazzjoni speċifika li jkun fiha.
Huma ħafna dawk li jirriskjaw għall-imħabba. Meta wieħed jinvesti l-emozzjonijiet tiegħu fir-relazzjonijiet, jista’ jispiċċa jgħaddi minn sitwazzjonijiet kemm pożittivi u anke xi kultant negattivi, partikolarment meta persuna li nħobbu tweġġana. Ninvestu ħafna ħin u enerġija biex insostnu u nsaħħu r-relazzjonijiet tagħna, u ħafna drabi nagħmlu dan anke jekk ikollna nwarrbu s-suċċess fil-karriera jew ambizzjonijiet personali. Infatti, issib min jaċċetta li jibdel ħajtu totalment, bħal jirriloka f’pajjiż ieħor, sempliċiment biex jakkumpanjaw lis-sieħeb jew sieħba tagħhom, jew inkella lill-qraba tagħhom. F’każi estremi ssib anke min ipoġġi lilu nniffsu f’riskju u periklu sabiex jipproteġi jew isalva lill-maħbubin tiegħu.
Imbagħad hemm dawk li jirriskjaw aktar fejn jidħlu l-flus, u xi kultant anke jirriskjaw l-imħabba għall-flus. Issib dawk li jinvestu l-flus li faddlu f’xi negozju ġdid jew inkella fis-suq tal-ishma. Dawn huma deċiżjonijiet li jistgħu jwasslu kemm għal gwadann sostanzjali, iżda xi kultant anke għar-rovina finanzjarja ta’ persuna jew familja. Meta wieħed jagħżel xi xogħol li permezz tiegħu jaqla’ aktar flus min-normal, ħafna drabi jpoġġi lilu nnifsu f’sitwazzjoni stressanti li tista’ twassal anke għal problemi tas-saħħa kemm mentali u kemm fiżika. Imbagħad għaliex? Biex tagħmel aktar u aktar flus li lanqas jibqalek ċans biex tgawdihom. Issib min saħansitra jidħol f’basal illegali u mhux etiċi biex jikseb aktar flus. Filwaqt li hemm min jaħseb li jista’ jitradixxi anke lill-persuni li jħobb biex sempliċiment iħaxxen butu.
Inti x’tip ta’ persuna inti? Tirriskja aktar għall-imħabba jew għall-flus?