Masterclass minn Patrice Evra u influencers oħra barranin li bejniethom għandhom kważi 100 miljun follower

 Masterclass minn Patrice Evra u influencers oħra barranin li bejniethom għandhom kważi 100 miljun follower

Nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Ġunju fl-4pm ser issir diskussjoni dwar il-potenzjal tal-media soċjali li matulha l-pubbliku ser ikun jista’ jisma’ u jiltaqa’ ma’ influencers popolari minn madwar id-dinja.

Fost l-influencers barranin li se jkunu qed jieħdu sehem f’din l-attività tal-Mediterrane Film Festival ser ikun hemm l-eks plejer internazzjonali Franċiż Patrice Evra. Evra żgur li m’għandux bżonn introduzzjoni mad-dilettanti tal-futbol lokali, minħabba li lagħab u rebaħ diversi unuri ewlenin fil-qasam tal-futbol, kemm mat-tim nazzjonali Franċiż, kif ukoll fuq livell ta’ klabbs, fosthom ma’ Manchester United u Juventus.

Evra ser ikun qed jieħu sehem f’intervista ta’ nofs siegħa dwar il-karriera tiegħu, kemm bħala plejer tal-futbol u anke bħala influencer. Wara li rtira mill-futbol, Evra kiseb popolarità kbira bħala influencer tant li għandu aktar minn 23 miljun persuna jsegwuh fuq il-media soċjali. Infatti t-tema tal-intervista ta’ Evra f’Malta se tkun “From pitch to Platform: The Evolution of Patrice Evra”.

Wara din l-intervista, se ssir diskussjoni ma’ Evra u influencers popolari oħrajn, li jinkludu l-Ingliżi Itszhauni, Keikeit Travel, u Jakebsweet, u l-influencers Amerikani Josh Harmon u Louis Levanti. Bejniethom dawn l-influencers għandhom miljuni ta’ segwaċi bl-aktar minnhom tkun Itszhauni li għandha aktar minn miljun segwaċi.

Huma se jitkellmu dwar il-mod kif tibni u tkabbar is-segwaċi online. Opportunità tajba ħafna għal min jixtieq jew qiegħed f’dan il-qasam. Il-pubbliku li se jattendi għal dawn iż-żewġ sessjonijiet se jkollu ċ-ċans jiltaqa’ ma’ dawn l-influencers, jieħdu xi ritratt, u se jkunu jistgħu jiffirmawlek per eżempju fuq xi ritratt tagħhom stess, jew fil-każ ta’ Evra fuq il-flokk li kien jilbes ta’ Manchester United u Juventus.

L-attivita’ ser tittella fis-sala tal-Armerija l-Antika, fil-Palazz tal-President , il-Belt Valletta. Inħeġġukom iżżuru l-website ta’ Mediterrane Film Festival – mediterrane.com – sabiex tibbukjaw postkom minnufih għax l-ispazju huwa limitat.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com