Tistħi titkellem bid-djalett quddiem in-nies li ma tafhomx?
Minkejja li Malta hi biss gżira ċkejkna, nies li ġejjin minn ċerti irħula jintagħrfu minn x’ħin jiftħu ħalqhom sabiex jitkellmu. Mhux biss mill-mod kif jippronunzjaw il-kelma ( eżempju roġel jew ruġel flok raġel,) imma ukoll mid-djalett li jużaw. Eżempju għal ħafna il-plural ta’ torta hija torti, imma għal oħrajn hija torot
Hawn djaletti illi jbiddlu xi ittra . Eżempju ipoġġu l-ittra K minflok Q ( eżempju Kuddies minflok quddies), jew tinħass l-hakka (eżempju deħeb flok deheb)
F’ċertu rħula id-djalett hu mitkellem ħafna, mhux biss mill-anzjani, imma anki mill-ġenerazzjoni żagħżugħa. Ma’ dan kollu wieħed jista’ faċilment jinnota illi ħafna nies jaqilbu mid-djalett għal Malti standard meta jkunu qed jitkellmu ma’ xi ħadd li ma jafuhx, l-aktar jekk ikun professjonist
Imma għaliex inħossu il-bżonn illi nieqfu nitkellmu bid-djalett meta nkunu qed nitkellmu ma’ ċerti nies? Jista’ jkun illi għax naħsbu illi ma jifhmunix, u nispiċċaw ikollna noqogħdu nirrepetu. Raġuni oħra tista’ tkun illi nħossu illi d-djalett huwa xi ħaġa assoċjata ma’ klassi baxxa u tajba biss biex nitkellmuh fil-pjazza jew id-dar
Int titkellem bid-djalett? Tistħi tużah quddiem nies oħra li ma tantx taf?
Kont taf xi jfissru dawn il-kliem, illi mhux kulħadd jużahom?
Ibxex– ibxex tfisser aktar baxx
Boxxla – antiporta
Sebbellika– Nannakola
Xi kliem ieħor tuża illi f’postijiet oħra ma jużawx?
Bilħaqq, meta tisma’ lil xi ħadd jitkellem bid-djalett m’hemmx għalfejn tiggustah b’tali mod li qisek qed tisma’ tifel ilissen l-ewwel kliem. Ikun qed ikellmek b’mod normali, u bil-Malti