TOQTLUX JEKK TILTAQA’ MIEGĦU! ARA X’INHUMA L-BENEFIĊĊJI TAĊ-ĊENTUPIED.
Hemm drabi meta nqumu bil-lejl u niltaqgħu ma’ ħlejjaq ċkejknin li mal-ewwel daqqa t’għajn jafu jixxokkjawna u jbeżżgħuna tant li l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħok hija li taqbad il-karkur u toqtolhom. Ħafna drabi dan huwa att li jitwieled mill-injoranza jew nuqqas ta’ tagħrif ġust dwar dik il-ħlejqa li ssib quddiemek.
Iċ-ċentupied tad-dar jew kif xjentifikament magħruf huwa wieħed minn dawn il-ħlejqiet li ma jagħmel l-ebda ħsara, anzi ġid. Jikber bejn 2.5 u 3.5 ċentimetri fit-tul u jista’ jkollu mal-15-il par ta’ saqajn, imma permezz ta’ dawn u l-antenni tiegħu jista’ jagħti l-impressjoni li hu twil id-doppju.
Din hija kreatura li oriġinat mir-reġjun fejn ngħixu aħna, il-Mediterran, u tgħix fid-djar tagħna. Il-lewn tagħha jagħti fil-griż-isfar u għandha strixxi skuri kemm fuq daharha kif ukoll fuq is-saqajn.
Iċ-ċentupied tad-dar jiekol dubbien, nemus, brimb, termites, silverfish, nemel, wirdien, u bed bugs. Huwa ma jigdimx lill-vittma tiegħu imma ‘jniggiżha’ u jgħaddilha ċertu velenu. Huwa ħlejqa li tikkaċċja matul il-lejl u għalkemm għandu għajnejn żviluppati, jiddependi iktar fuq l-antenni li jgħaddulu tagħrif tat-tip tattili (mess) u olfattiv (xamm).
Parti kbira minn dawn iċ-ċentupiedi jgħixu barra, f’imkejjen umdużi u friski, mela f’ambjent li jipproteġihom kontra d-deidrazzjoni jew kesħa eċċessiva. Issibhom taħt xi blata mdaqqsa, munzelli ta’ njam jew weraq, speċjalment fejn ikun hemm il-kompost. Tarahom ħerġin fil-ġnien wara li ssaqqi. Imma jistgħu jinsabu f’kull parti tad-dar, għalkemm hu normali li tiltaqa’ magħhom f’żoni mdallmin jew bi ftit dawl bħal garaxxijiet u kantini, imma anki fil-kamra tal-banju fejn hemm l-umdità.
Iċ-ċentupied tad-dar ma jikolx l-għamara u lanqas iġorr il-mard. Ir-rwol tiegħu hu dak li jnaddaf minn insetti oħra. Mela l-ewwel darba li tilmaħ wieħed tibżax minnu: kun af li ġid jagħmel.