Uffa, wasal is-sajf! X’se nagħmlu bit-tfal?
Il-vaganzi sajfija waslu għat-tfal, perijodu li jkunu ilhom jistennew min jaf kemm. Huwa ż-żmien li jippermetti liż-żgħar jibqgħu jitgħażżnu ftit iktar fis-sodda, bla ma jinħakmu mir-rutina li tqajjimhom kmieni biex qabel it-8 jew 8.30 ta’ filgħodu jsibu ruħhom quddiem l-għatba tal-iskola!
Imma s-sajf mhux għal kulħadd ifisser ward u żahar, l-iktar għall-ġenituri li jaħdmu! Ikunu jridu jaħsbu ma’ min se jħallu lil uliedhom, jew inkellha dawk li matul is-sajf ma jaħdmux ikunu jridu jaħsbu kif uliedhom se jgħaddu ħinhom matul il-ġimgħat twal tal-btala sajfija.
Żgur li t-tfal u l-adolexxenti mhux se jgħaddu ħinhom kollu magħluqin id-dar! Anki jekk għandhom it-tablet, il-laptop, jew it-televiżjoni disponibbli. X’sajf ikun jekk iqattgħuh kollu quddiem screen li jispiċċa jagħmlek skjav tiegħu?!
Hemm min jissuġġerixxi li l-ġenituri jiktbu lil uliedhom f’korsijiet differenti matul is-sajf. Hemm skejjel li joffru lezzjonijiet fit-tagħlim t’ilsna differenti. Ażjendi oħrajn joffru korsijiet ta’ eżerċizzju fiżiku, mhux biss varjetà ta’ sports tradizzjonali, imma anki lezzjonijiet fl-ibbordjar (sailing), korsijiet ta’ sopravvivenza u scouting, camping, u l-bqija.
Hemm min iżomm lil uliedu okkupati d-dar stess permezz ta’ attivitajiet marbutin mal-biedja jew ġardinaġġ (tkabbir ta’ pjanti u żrieragħ f’kontenituri mhux kbar ħafna), krafts differenti bħal tpinġija, xogħol fit-tafal jew fl-injam, bini jew assemblaġġ ta’ mudelli ta’ ajruplani jew karozzi, lezzjonijiet fit-tisjir, u attivitajiet simili. Hemm tfal li jgħaddu ħin iqallbu fl-internet biex jiskopru x’għandhom jixtru u jagħmlu biex iqattgħu ħin siewi u utli f’attivitajiet bħal dawn. Oħrajn iħobbu jaqraw.
Hemm ġenituri li jgħallmu lil uliedhom kif iħaddmu ċerti appliances tad-dar bħal dish washers jew washing machines, kif ipoġġu platti u tazzi f’posthom, kif jonxru jew jitwu l-ħwejjeġ. Dan kemm biex jagħtu daqqa t’id fix-xogħol tad-dar, kif ukoll biex jgħaddu ħinhom bla ma jiddejqu filwaqt li jitgħallmu għal meta jikbru u jsiru indipendenti.
Is-sajf hu fuq kollox żmien il-baħar u ċ-ċafċif, mela żmien id-divertiment. Basta nibżgħu għal uliedna u nipproteġuhom kontra r-raġġi tax-xemx u mill-bram.