Vandalu jinqabad u jħallas … imma x-xogħol jerġa’ jitranġa?
Fid-dinja kollha, mhux f’Malta biss, naraw u nisimgħu b’atti vandali li jsiru minn żmien għall-ieħor. Dawn ma jħallu xejn sabiħ warajhom ħlief togħma ħażina u qtiegħ il-qalb, l-iżjed jekk ikun sar xi proġett sabiħ u fi ftit jiem wara jsib ruħu vvandalizzat.
Kif semmejna, f’Malta mhux inqas. Anke riċentament, rajna xi ġonna jew bandli li ġew inawgurati f’dawn l-aħħar xhur, u fi ftit jiem sfaw vittmi ta’ atti vandali.
Ikun hemm okkażjonijiet fejn qatt ma jinqabdu imma ġieli jsibu minn kien il-moħħ wara dawn l-atti godardi u saħansitra jsir ftehim biex jitħallsu d-danni ta’ għemilhom.
Aħbarijiet bħal dawn jiġru bħal leħħa ta’ berqa fuq il-portals u l-midja soċjali. Imma bil-flus li jitħallsu, qed jerġgħu jiġu rranġati dawn l-imkejjen? Għax rari nisimgħu dwar dan.
Huwa importanti li nisimgħu bil-progress ukoll mhux b’dak li jkun ġara mill-aspett negattiv biss.
Jekk għandkom xi stejjer x’taqsmu magħna, anke biex nagħtu tagħlima u nedukaw lil xulxin, kellmuna. Pjaċir tagħna li naraw il-lokalitajiet ta’pajjiżna fl-aqwa forma li jixirqilhom.