Wasal tal-ġelati!
Tisma’ f’ħinijiet partikolari tal-jum dik il-melodija ħelwa li l-ewwel taħsibha parti mill-immaġinazzjoni tiegħek – ħoss ġej x’imkien mis-sema? – imma mbagħad tinduna li hija reali anki għax qed toqrob bil-mod il-mod. Spiss tkun melodija li tismagħha fis-sigħat jaħarqu tal-ġurnata. Biż-żmien tifhem li wasal l-istaġun tas-sajf u li l-melodija mhi xejn ħlief dik li tindaqq minn sid il-vann tal-ġelati li b’sabar u b’reżiljenza jdur il-postijiet l-iktar iffrekwentati mill-Maltin biex joffrilhom dik ix-xiħaġa ħelwa, tajba u rinfreskanti f’waqtiet ta’ ħedla u sħana insopportabbli.
Hija melodija li tistiednek tieqaf għal waqt. It-tfal mimlijin enerġija jieqfu minn dak li jkunu qed jagħmlu, imorru ħdejn il-ġenituri biex jitolbuhom il-flus u jiġru jaffullaw madwar il-vann li jkun waqaf quddiem il-boathouses jew qrib xi ramla miżgħuda nies. L-adulti wkoll għal xi mumenti jaħsbuha darbtejn dwar jekk għandhomx jaqgħu għat-tentazzjoni u jimxuha sal-vann sabiex jordnaw ġelat huma wkoll.
Il-vista tal-vann biss hija spettaklu fiha nnifisha, b’dawk l-ilwien ħajjin u sajfin li jistednuk titbissem, tkun pożittiv u tinsa kull problema li tista’ tkun qed tgħabbilek moħħok f’dan il-mument. Kif tersaq qribu tibda tifli l-lista ta’ tipi ta’ ġelati li hemm offerti, jekk hux cone jew fit-tazza, il-kobor tat-tazzi differenti, it-togħmiet diversi, il-kontenituri mimlijin “extras” li jistgħu jiżdiedu mal-ġelat, il-prezzijiet rispettivi.
Hemm bosta minna li għadhom jippreferu sal-lum il-ġelat tal-magna, dak li tista’ tieħdu abjad biss, jew taċ-ċikkulata biss, jew iħallathulek f’għamla ta’ spirall fuq cone jew f’tazza. Fl-imgħoddi kien hemm ukoll il-ġelat imqiegħed bejn żewġ wafers imdassqin. Xi tjubija ta’ togħmiet!
Illum bosta jservu l-ġelat “bl-iscoops”. It-togħmiet tradizzjonali jew favuriti huma tal-vanilla, taċ-ċikkulata jew tal-frawli, imma maż-żmien l-għażla twessgħet, b’ġelati tal-pistaċċa, tal-kafè, tal-oreo, u mitt togħma oħra.
Is-sabiħ hu tara lit-tfal jiffullaw madwar it-tieqa minn fejn sid il-vann tal-ġelati jqassam bi tbissima il-cones u t-tazzi mimlija benna u lwien differenti. Sabiħ ukoll tara s-slush ta’ kuluri differenti jitħallat f’kontenituri diversi, donnha ħajja jew parti minn spettaklu li jaf jipnotizzak.
Dak l-imbierek vann tal-ġelati li jhenni l-ispirtu… u anki lill-palat.