X’jagħmel ħobża biż-żejt tavera? Aqra l-artiklu.
Nafu li bħala poplu aħna wikkilin ladarba l-ikel ħabib tagħna. Għax-xitwa hemm plattijiet ħerġin direttament mill-forn bħall-imqarrun, il-patata l-forn u fakkruni x’iktar, filwaqt li għas-sajf forsi nippreferu xi ħaġa iktar ħafifa.
Imma l-ħobża biż-żejt hija ħabiba tagħna matul l-erba’ staġuni tas-sena, u nazzarda ngħid iktar u iktar waqt l-istaġun sajfi. Kemm minna jgħidu li l-arja tal-baħar u r-riħa tal-melħ jiftħulna l-aptit? U x’hemm aħjar minn ħobża, jew ftira biż-żejt għal waqtiet bħal dawn?
Kif nafu, hija ikla sempliċi li jista’ jippreparaha kulħadd, dejjem jekk ikollu disponibbli l-ingredjenti. Ma tistax tonqos il-ħobża Maltija, jew il-ftira. Imbagħad it-tadam jew kunserva, xi naqra nagħniegħ, kappar, żebbuġ, basla mqattgħa jew pickles, u – għaliex le? – xi ġbejna minn tal-bżar isslajsjata anki hi. Imbagħad itfa’ naqra żejt taż-żebbuġa, agħlaq il-ħobża jew ftira u agħfasha bejn il-pali t’idejk u igdem. Diffiċli ma tagħlaqx għajnejk matul din l-ewwel gidma li idealment tagħmilha għaż-żiffa friska ħdejn il-baħar! Imma, ngħiduha kif inhi, il-ħobża jew ftira biż-żejt hi dik li hi, u għalhekk tista’ titgawda kullimkien u f’kull sitwazzjoni.
Hija esperjenza unika għall-palat, u tiekol kemm tiekol minnha, l-esperjenza tibqa’ waħda sbiħa ferm, sodisfaċenti, kif jgħid il-Malti, “Tħallik tilgħaq subgħajk.”
Illum nistgħu nixtru l-ħobża jew ftira biż-żejt lesta mingħand ħwienet partikulari ffrekwentati anki minn bosta ħaddiema Maltin, u anki barranin. Tidħol f’dawn il-ħwienet jew “ristoranti” tipiċi Maltin u tara ġo vetrina fuq il-bank fejn tordna u tħallas munzell ħobżiet jew ftajjar ippakkjati fil-plastik biex jibqgħu friski. Timmaġinahom jgħajtulek “Ħudni! Duqni! Ixtrini!”, waħda b’leħen ogħla mill-oħra, biex fl-aħħar mill-aħħar tispiċċa tordna tnejn, waħda biex tikolha immedjatament, flimkiem ma’ xi flixkun birra friska, u l-oħra iktar tard.
Apparti l-ħobża biż-żejt ta’ min ifakkar li aħna l-Maltin nafu nkunu kreattivi tassew. Hemm min iħobb ukoll il-ħobża jew ftira bil-bajd u l-laħam, jew dik bil-bacon u z-zalzett. Insomma, fuq dan l-iskoll li hija gżiritna, żgur żaqqna mhux se taqa’ mal-art!
Viva l-ħobża u l-ftira biż-żejt, u ħallih iħabbat!