X’nostalġija! Il-kupuni tal-futbol
Reġgħu waslu l-finali Ewropei tal-futbol u magħhom jerġa’ l-entużjażmu ta’ xi wħud li passatemp tagħhom huwa dak li jixtru u jgħaqqdu l-kupuni tal-plejers tal-futbol tat-timijiet Ewropej differenti. Din is-sena, li tiġi s-sbatax-il edizzjoni tal-Ewropej, il-finali se jintlagħbu fil-Ġermanja. Id-dati se jkunu bejn l-14 ta’ Ġunju u l-14 ta’ Lulju 2024. B’kollox se jieħdu sehem 24 pajjiż differenti.
L-album tal-kupuni ilu li ħareġ numru ta’ ġimgħat. Dan ifakkarni fiż-żminijiet meta kont iżgħar, u meta n-numru ta’ persuni li kienu jixtru dan l-album kien ħafna ikbar. Konna nkunu bosta studenti minn forms u klassijiet differenti li matul il-ħinijiet tal-pawsa jew qabel ma tibda jew wara li tispiċċa l-iskola konna nintefgħu nitħalltu flimkien, nitkellmu, nitkixxfu, u npartu l-kupuni doppji li kien ikollna ma’ oħrajn li kien jonqosna biex ngħaqqdu l-kollezzjoni sħiħa li kienet twassal sa bejn wieħed u ieħor 500 jew 600 wieħed b’kollox.
Fost dawn il-kupuni kien hemm ir-ritratti ta’ kull plejer mit-timijiet differenti, bil-plejers tat-timijiet l-iktar b’saħħithom, bħal dawk tal-Italja, Ingilterra, Ġermanja, Brażil u oħrajn, imfittxija l-iktar. Imbagħad kien hemm il-kupuni bir-ritratti tal-istadji differenti fejn kienu se jintlagħbu l-logħbiet, il-kupuni bil-badges ta’ kull tim, il-kupuni bir-ritratt tal-plejers tat-tim miġbura flimkien, u l-kupuni tal-bidu tal-album, fosthom it-Tazza mogħtija lir-rebbieħa.
X’entużjażmu kien ikun hemm! Entużjażmu li kont issib ukoll f’parti partikolari tal-Belt Valletta jew irkejjen oħra fir-raħal fejn tfal, żgħażagħ u adulti kienu jiltaqgħu u jpartu bejniethom. Il-kelma kienet tiġri li dak jew l-ieħor kellhom il-kupuni l-iktar imfittxija u allura min kellu l-iktar x’joffri kien jieħu dawn il-kupuni speċjali li d-domanda għalihom kienet tkun kbira.
Kien ikun hemm min jifdallu kupun jew tnejn x’jgħaqqad u għal dawn kien lest jagħti 50 jew mitt jew iktar kupun minn dawk doppji li kien jifdallu. Iffurtunat kien ikun min ikollu dawn il-kupuni skarsi għax kien jiggwadanja l-iktar, anki billi jbigħhom u jagħmel ftit profitt.
Illum it-tpartit qed isir ukoll permezz tal-pjattaformi soċjali bħal Facebook. Nistaqsi: dan l-entużjażmu naqas jew żdied? U għaliex?