X’se nġiblek: Ilma naturali jew sparkling?
L-ilma huwa element importanti għal ġisimna: 60% tal-piż tal-irġiel hu magħmul mill-ilma, filwaqt li bejn 50 u 55% tal-piż tan-nisa hu magħmul mill-ilma. Hu importanti li persuna ta’ bejn 70 u 75 kg tixrob bejn litru u nofs u żewġ litri ilma kuljum, ladarba l-ilma jfisser ħajja.
Hemm min iħobb jixrob l-ilma sparkling (jiena ngħidlu “ilma jfexfex”), oħrajn idejquhom il-bżieżaq tal-arja jew forsi t-togħma tal-isparkling u għalhekk jippreferu l-ilma naturali. Fuq livell nutrittiv m’hemmx differenza ladarba t-tnejn jaqtgħu l-għatx l-istess u m’għandhomx kaloriji.
Jidher li l-ilma sparkling jaf itejjeb is-sistema diġestiva. Dan iseħħ biss jekk nixorbu kwantitajiet żgħar minnu, anki għax jekk nixorbu ħafna ilma sparkling jaf jonfħilna żaqqna u jkollna bżonn spiss nitfewqu. U mbagħad ara lil ta’ madwarna jitkerrhu jew jitbissmu! Għal min għandu problemi ta’ stonku u intestini, l-ilma sparkling jaf iżidhom mhux inaqqashom. Hemm min tant ikun dara t-togħma tal-ilma sparkling li jsibha diffiċli jixrob l-ilma naturali. Min ikun fuq dieta jippreferi l-ilma sparkling għax dan jagħtik l-impressjoni li “żaqqek mimlija” iktar malajr.
Min-naħa l-oħra bosta jippreferu l-ilma naturali għax la jonfoħlok żaqqek u lanqas jagħtik dik is-sensazzjoni li ntlejt. L-ilma naturali għalhekk huwa kkunsidrat bħala l-aktar xarba tajba għalina lkoll, mit-tfal sa l-anzjani. Fost il-benefiċċji nsemmu:
- jaqta’ l-għatx;
- jidrata l-ġisem;
- hu għajn ta’ minerali li jagħmlulna l-ġid;
- jgħinna neħilsu minn likwidi li l-ġisem m’għandux bżonn.
Ta’ min ifakkar li hu importanti nixorbu ħafna ilma kemm għall-ġisem kif ukoll għall-moħħ, ladarba jgħin biex inżidu fil-konċentrazzjoni u b’hekk nagħmlu aħjar ix-xogħol tagħna.
Insomma, apparti dan kollu, hemm min jippreferi l-ilma sparkling għax jieħu gost jara l-ilma jieħu l-ħajja b’dawk l-eluf ta’ bżieżaq ifexfxu hekk kif tferrgħu fit-taxxa, biex imbagħad, ftit sekondi wara, kollox jikkalma u jerġa’ lura għan-normal. Għat-tfal, imma anki għal ċerti adulti, hemm sens ta’ faxxinu f’din il-biċċa tal-ilma jfexfex, forsi sensazzjoni ta’ vitalità, enerġija u ħajja!
Inti x’tippreferi: ilma naturali jew ifexfex?