Żewġ riċetti Maltin magħżulin fost l-aqwa fid-dinja
Il-laħam tal-fenek għandu storja kulinarja twila f’ħafna kulturi fid-dinja. Il-fenek huwa nutrittiv u faċli jitrabba. Il-laħam m’għandux wisq xaħam, tari u versatili. Jista’ jissajjar b’modi differenti u jitħallat ma’ togħmiet oħrajn.
Is-sit TasteAtlas ħareġ lista tal-iktar riċetti tradizzjonali tal-fenek tajbin fid-dinja u fl-ewwel għaxar pożizzjonijiet hemm żewġ riċetti Maltin. Unur għall-kultura tagħna!
Liema huma l-iktar għaxar ikliet tal-fenek tajbin skont TasteAtlas?
- Kouneli stifado (il-Greċja): Stuffat tal-fenek bil-ħwawar, basal, tadam, kunserva, tewm, ħall, brodu u żejt taż-żebbuġa. Il-platt jinkludi l-ħobż biex tbill.
- Fenkata (Malta): Il-fenek immarinat fl-inbid jissajjar imħawwar fi stuffat bil-ħaxix. Iz-zalza tiġi magħquda u, idealment, il-fenkata tisserva bl-ispagetti.
- Coniglio alla ligure (l-Italja): L-ewwel taqli l-fenek, imbagħad iżżid l-inbid u l-ħwawar, iż-żebbuġ u l-prinjol. Jisserva ma’ patata mgħollija jew il-forn.
- Sate kelinci (l-Indoneżja): Il-laħam jitpoġġa f’taħlita ta’ basal, tewm, ġinġer, tursin, bżar jaħraq, zokkor ismar u soy sauce. Wara, tniggeż bl-istitek u tixwih. Jisserva bis-soy sauce.
- Fenek moqli (Malta): Il-laħam jiġi mmarinat qabel jinqela fiż-żejt bis-sagħtar, inbid abjad u tewm. Jinkludi patata l-forn jew moqlija u l-ħobż.
- Lapin á la Kriek (il-Belġju): Iz-zalza ssir mill-Kriek, birra tradizzjonali b’togħma ta’ ċiras. Ikollha basal, pruna, sagħtar, rand u ftit dqiq biex tagħqad. Fil-platt ikollu patata moqlija jew maxx.
- Conejo con arroz (Spanja): Platt bir-ross u l-fenek u wkoll basal, tadam, bżar, karrotti, tewm, saffron, rand, paprika, melħ u bżar, u żejt taż-żebbuġa.
- Conejo al ajillo (Spanja): Riċetta bil-fenek imqatta’ żgħir mal-patata, tewm, ħall, melħ u żejt taż-żebbuġa. Jittiekel bl-insalata u allioli.
- Coniglio alla cacciatora (l-Italja): Il-laħam tal-fenek jitqatta’ u jiġi mmarinat fil-ħall u msajjar bit-tadam u nbid aħmar. Jintiegħem aħjar jekk isir minn qabel.
- Lapin à la crème (Franza): Magħmula mil-laħam tal-fenek, inbid abjad, bacon, crème fraîche, dqiq, isfra tal-bajd, karrotti, tewm, basal melħ u bżar u ħwawar.