4 karatteristiċi komuni li għandhom il-Maltin u l-qtates
Il-qtates huma annimali, il-Maltin huma bnedmin, madanakollu qatt innutajtu li għandhom karatteristiċi komuni? Forsi għalhekk hawn ħafna qtates Malta, u hawn eluf ta’ persuni li jadottawhom jew jitimgħuhom, propju għax jarawhom karatteristikament xi ftit simili. X’inhuma dawn il-karatteristiċi komuni?
- Huma indipendenti u reżiljenti – il-qtates huma magħrufa bħala annimali indipendenti u li għandhom bżonn ftit manteniment. Intant, il-poplu Malti huwa magħruf għas-sens ta’ awtodipendenza minħabba l-isfidi li għadda minnhom il-pajjiż matul l-istorja twila tiegħu.
- Jafu jħobbu – minkejja li l-qtates huma annimali indipendenti, huma kapaċi juru ħafna affett u huma leali lejn dawk li jieħdu ħsiebhom. Intant, il-Maltin huma magħrufa għall-ospitalità tagħhom u bħala persuni dħulin.
- Jadattaw ruħhom malajr – il-qtates huma magħrufin bħala annimali li kapaċi jadattaw għall-ambjent ta’ madwarhom, kemm jekk qed jgħixu f’appartment u anke jekk qed jgħixu fil-kampanja. Il-Maltin, storikament kellhom jadattaw għal ħafna kulturi differenti u saħansitra l-identità Maltija ġiet permanentament influwenzata mill-kulturi vasti li ġejna wiċċ imb’wiċċ magħhom, propju minħabba l-post strateġiku li fih jinsabu l-gżejjer Maltin.
- Huma territorjali – il-qtates huma annimali territorjali u jagħmlu minn kollox biex jipproteġu l-ispazju tagħhom. Il-Maltin ukoll għandhom din il-karatteristika, huma patrijotti, kapaċi jipproteġu lil pajjiżhom u jħaddnu l-wirt storiku u uniku tal-pajjiż.
Taqbel ma’ dawn? Għidilna fil-kummenti!