Ara naqra x’tattoo dik!
Issa li qegħdin fis-sajf tkun tista’ tara esposti għad-dawl tax-xemx dawk it-tpinġijiet jew tattoos li matul l-istaġun kiesaħ jibqgħu mgħottijin. Tara minnhom fuq kull parti tal-ġisem: l-ispallejn, id-driegħ, il-koxxa, l-għaksa, l-għonq, fuq id-dahar, il-pxiexel, taħt iż-żokra, u min jaf fejn iktar. Hemm tattoos żgħar u individwali u oħrajn kbar jew tattoos li jintrabtu wieħed mal-ieħor.
Hu veru li fl-imgħoddi dawn it-tattoos bħala poplu konna nilbsuhom ħafna inqas? Niftakarni nara ċerti films tal-yakuża jew tal-mafja Ġappuniża b’individwi li jagħmlu parti minnha miksijin bit-tattoos. Films oħra fejn kienu jispikkaw it-tattoos kienu dwar ċerti gangs partikolari li kienu rivali u b’hekk jużaw it-tattoo bħala simbolu ta’ appartenenza. It-tattoos oriġinarjament kienu jsiru minħabba raġunijiet reliġjużi, spiritwali, terapewtiċi, u ta’ identifikazzjoni. Min ma jiftakarx in-numri ttattwati fuq driegħ il-Lhud li kienu jittieħdu fil-kampijiet tal-konċentrament?
Illum ir-raġunijiet huma ħafna iktar. Kemm minna jiddeċiedu li jagħmlu tattoo bħala sinjal ta’ ribelljoni jew non-konformità, sabiex jiċċalinġjaw in-normi soċjali? Kemm minna fuq in-naħa l-oħra jagħmlu tattoo bħala xi ħaġa artistika u estetikament sabiħa fuq ġisimna? Hu veru li oħrajn jagħmlu tattoo biex iħossuhom b’saħħithom?
Jista’ jkun però li llum raġuni oħra għaliex niddeċiedu li nagħmlu tattoo jew iktar minn wieħed huwa l-fatt li saret moda, minħabba peer pressure, u xejn iktar? Bosta jagħmlu tattoo bħala sinjal ta’ mħabba lejn persuna li jkunu marbutin sewwa magħha. Oħrajn jgħidulek li t-tattoos fuq ġisimhom huma tifkira ta’ waqtiet importanti f’ħajjithom u b’hekk jgħidu l-istorja ta’ ħajjithom. Hemm min jagħmel tattoo ġdid kull darba li jżur pajjiż ġdid li jkun żar. Xi drabi t-tattoo jintuża anki biex jgħatti ċerti ġrieħi fuq il-ġisem li aħna ma nkunux nixtiequ nuru.
Kemm minna jaħsbu sewwa qabel ma jagħżlu li tiġi mpinġija b’mod permanenti stampa fuq ġisimhom? Kemm minna jaħsbu li jista’ jkun li jasal żmien fil-ġejjieni meta t-tattoo li jkunu għamlu ma tibqax attwali jew għal qalbhom u għalhekk ikunu jixtiequ jeħilsu minnha?
Inti għaliex għamilt tattoo? Għidilna l-istorja tiegħu.