Dak kollu li għandek tkun taf jekk bi ħsiebek tixtri karozza elettrika
Jekk qed tfittex sabiex tixtri karozza elettrika biex il-vjaġġi tiegħek fit-toroq Maltin ikunu aktar favur l-ambjent, dan l-artiklu se jservi bħala gwida sabiex jgħinek tagħżel il-karozza ideali għalik.
Il-karozzi ibridi kontra dawk kompletament elettriċi
Il-karozzi ibridi għandhom il-funzjoni kemm permezz tal-gass, kif ukoll permezz ta’ magna żgħira elettrika. Din il-magna mhux dejjem tista’ tiċċarġjaha permezz ta’ konnessjoni elettrika, iżda ħafna drabi tiċċarġjaha meta tgħafas il-brejk tal-karozza. Min-naħa l-oħra, karozzi li huma kompletament elettriċi, jaħdmu biss permezz ta’ magna elettrika li ġġib l-enerġija tagħha minn batterija b’saħħitha. Din għandek bżonn makkinarju apposta sabiex tiċċarġjaha.
L-esperjenza tas-sewqan
L-ewwel ħaġa li tirrelizza meta ssuq karozza elettrika hija kemm ma tagħmilx ħoss. Mingħajr il-bżonn ta’ clutch, gearbox u l-pajp ta’ wara, dawn il-karozzi joffru esperjenza aktar lixxa u kwieta meta kkumparati ma’ karozzi tradizzjonali. Dawn it-tip ta’ karozzi jaċċelleraw b’mod rapidu u jużaw dak li jgħidulu regenerative braking, li jfisser li l-enerġija li tgħaddi permezz tal-pedala tal-brake tiġi mgħoddija lill-batterija, filwaqt li tibda awtomatikament tonqos fil-veloċita meta tnaqqas il-pressjoni fuq il-pedala tal-gass. Minkejja dan, il-karozzi elettriċi fihom ukoll brakijiet bi frizzjoni tradizzjonali f’każ ta’ waqfien ta’ emerġenza.
Il-miżuri ta’ sikurezza
Il-karozzi elettriċi għandhom ċentru ta’ gravità aktar baxx minħabba l-pożizzjoni tal-magna u l-batterija fil-qiegħ tal-karozza. Din il-pożizzjoni tnaqqas ir-riskju li l-karozza tinqaleb kompletament f’każ ta’ xi inċident. Intant, huma aktar sikuri f’każ ta’ inċident għax ma fihomx gażolina u l-komponenti tal-magna ma jinstabux fil-partijiet fejn wieħed jista’ tipikament jolqot il-karozza waqt inċident.
L-iċċarġjar tal-karozza elettrika
L-iċċarġjar tal-karozza elettrika jista’ jsir permezz ta’ konnessjoni regolari elettrika, madanakollu, jekk tinstalla charger iddeddikat, tista’ tiċċarġja l-karozza b’mod aktar veloċi. F’Malta, tista’ tagħmel użu mill-Electric Vehicle Home Charger Grant fejn l-iskema tipprovdilek sa massimu ta’ €300 biex tixtri u tinstalla charger għall-karozza elettrika fid-dar tiegħek.
Il-frekwenza tal-iċċarġjar
Il-frekwenza tal-iċċarġjar tiddependi kemm fuq il-karozza, kif ukoll fuq il-kwalità taċ-charger. Filwaqt li biex timla’ tank bil-gażolina tieħu biss ftit minuti, biex tiċċarġja karozza elettrika tieħu bejn 20 minuta biex tagħmel vjaġġi qosra, għal ftit sigħat biex tasal għal charge sħiħa. Meta tiċċarġja l-karozza sal-massimu tagħha, tkun tista’ tagħmel vjaġġi ta’ bejn 320 km u 640km. Minkejja li forsi karozza elettrika tiswa aktar, l-ispejjeż sabiex tħaddimha huma ħafna inqas!
Smajt bil-BYD?
Id-ditta BYD qed tipproduċi karozzi elettriċi ġodda, kif ukoll batteriji elettriċi sabiex tgħin f’din il-missjoni globali għal vjaġġar aktar san u favur l-ambjent. Il-karozzi ta’ din id-ditta, speċifikament il-BYD ATTO 3 u l-BYD Dolphin ġew iddisinjati propju biex jagħtu l-aħjar tip ta’ esperjenza fit-toroq tagħna, filwaqt li jipproteġu l-ambjent. Sabiex titgħallem aktar dwar dawn il-karozzi, żur dan is-sit, jew inkella żur lil Gasan Zammit.