Dan ir-raġel għandu 1,000 tifel u tifla bijoloġikament tiegħu…issa fuq Netflix!
L-aktar serje li qed jaraw il-Maltin bħalissa ġġib l-isem ta’ “The Man With 1000 Kids”, jiġifieri, r-raġel li għandu 1,000 tifel u tifla. Is-serje tat-tip dokumentarju titkellem fuq Jonathan Meijer mill-Olanda, li kien jiddona l-isperma għall-flus u spiċċa kellu mijiet tat-tfal madwar id-dinja kollha.
Minkejja li s-serje li fiha tliet episodji tgħid li hu kellu mal-1,000 tifel u tifla, min-naħa tiegħu Meijer, li rrifjuta li jkun intervistat bħala parti mis-serje, sostna li t-total ta’ tfal li twieldu permezz tal-isperma tiegħu kienu ta’ madwar 550. Kemm jekk 1,000 u kemm jekk 550, dak li għamel Meijer huwa kompletament kontra l-liġi Olandiża. Infatti, il-linji gwida jgħidu li d-donaturi tal-isperma ma jistgħux ikollhom aktar minn 25 tifel u tifla u li l-massimu ta’ ommijiet li jirċievu l-isperma tagħhom ma jistax ikun akbar minn 12-il omm.
L-azzjonijiet ta’ Meijer wasslu għal diversi riperkussjonijiet legali, inkluż li waqqfuh milli jagħmel aktar donazzjonijiet fl-Olanda kif ukoll internazzjonalment. Il-qorti qalet li din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba l-impatt psikosoċjali li jista’ jkollhom it-tfal meta jsiru jafu li għandhom mijiet ta’ aħwa.
Min-naħa tiegħu Meijer qed jinsisti li hu kien onest dwar id-donazzjonijiet tiegħu u li għen ħafna familji biex jaqbżu l-ittardjar min-naħa tal-kliniċi tal-fertilita. Hu qal li waqaf jagħmel id-donazzjonijiet lil koppji ġodda mill-2019 u li issa qed jassisti biss lil familji li diġà assista fil-passat u li jixtiequ jkollom aktar tfal.
Minkejja l-kontroversja, Meijer qed jibqa’ jgħid li dejjem mexa b’mod etiku, u li s-servizz li ta lil dawn il-familji huwa ta’ valur kbir. Bħalissa, hu qed jgħix f’Zanzibar fit-Tanżanija u qed ikompli jindirizza d-diversi allegazzjonijiet li ħarġu mid-dokumentarju permezz tal-pjattaformi tiegħu onlajn.