Dniefel, fkieren u bumerini. Kemm napprezzawha n-natura?
F’nofs Marzu ta’ dis-sena sewwieq ta’ jetski rnexxielu jiffilmja tliet dniefel jgħumu fil-bajja ta’ San Pawl. Dawn il-mammali akkwatiċi ma ddejqu xejn, anzi bħal taw spettaklu lil dawk li kienu qed isegwuhom. Fil-bidu ta’ Mejju reġgħu ġew innutati żewġ dniefel jgħumu fil-viċinanzi tax-xatt ta’ Buġibba. Xeni bħal dawn ma kinux l-uniċi, anzi l-esperti sostnew li matul is-sajf din hija xi ħaġa komuni ferm fl-ibħra tagħna. Kemm hu veru gruppijiet ta’ dniefel intlemħu anki f’April u f’Lulju minn persuni differenti.
F’nofs Ġunju mbagħad sirna nafu mill-midja li voluntiera mill-Wildlife Rescue Team li jkunu qed jgħassu x-xtut lemħu kmieni filgħodu f’Għajn Tuffieħa fekruna li kienet qiegħda tbid il-bajd tagħha fir-ramel. Din mhix l-ewwel darba li ħaġa sabiħa bħal din seħħet, tant li nafu li sa xahrejn wara mill-bajd jitwieldu għadd imdaqqas ta’ fkieren żgħar u jerħulha lejn il-baħar.
F’dal-każ l-ERA (L-Awtorità tal-Ambjent u tar-Riżorsi) avżat li l-qirda jew is-serq tal-bajd tal-fekruna minn żoni miftuħa huma strettament ipprojbiti u jikkostitwixxu offiża kriminali li tista’ ssarraf f’multi bejn €500 u €2,400 għal kull bajda li tiġi meqruda jew nieqsa.
Ix-xahar ta’ Lulju ġab miegħu wkoll żjara fl-ibħra tagħna ta’ bumerin jew “monk seal”. Hemm min isejjaħlu l-foka monaka jew il-monka. Kreatura bħal din, għalkemm tgħix fil-Mediterran, ilha ma tintlemaħ f’Malta għallinqas tletin sena. Jingħad li hemm elf eżemplari tal-bumerin fil-Mediterran imma annimali bħal dawn saru vulnerabbli ħafna l-iktar minħabba l-attività tal-bniedem fuq il-baħar.
Iż-żjara ta’ dan il-bumerin ferraħ kemm lill-konservazzjonisti kif ukoll lill-bijoloġi marittimi. Fost dawn, il-professur Alan Deidun tad-Dipartiment tal-Ġeoxjenza fakkar li xi affarijiet li jdejqu lill-bumerin huma l-istorbju tad-dgħajjes, id-dawl qawwi matul il-lejl, u l-attività tal-bniedem fiż-żoni fejn din il-ħlejqa tgħammar. Studji speċjalizzati juru li l-parti l-kbira tal-ispeċi tal-bumerin fil-preżent tinsab matul il-kosta ta’ pajjiżi bħall-Greċja, Ċipru u t-Turkija.
Id-dniefel, il-fkieren u l-bumerin li żaruna huma kollha ħwejjeġ li għandhom iferrħuna u jiftħulna għajnejna għall-fatt kemm in-natura hija sabiħa u taf tkun ġeneruża magħna. Jekk nuruha li napprezzawha taf tissorprendina ħafna iktar.