Dwar xiex titkellem meta tiltaqa’ ma’ grupp ħbieb?
Hemm min jippreferi joħroġ għal rasu u joqgħod għall-kwiet josserva d-dinja għaddejja jew jaqra xi ktieb interessanti jew iqalleb fil-paġni Facebook jew Instagram. Hemm min jekk se joħroġ jippreferi jiltaqa’ ma’ persuna waħda biss bl-idea li jikkonċentra esklussivament fuqha bla ebda distrazzjoni. Imbagħad hemm min ma jiddejjaq xejn jekk joħroġ fi grupp u jintefa’ madwar mejda jixrob pinta birra jew xi cocktail filwaqt li jnaqqar minn xi platter Malti jew ipejjep sigarett. Ikbar il-kumpanija iktar ikun il-gost!
Il-mistoqsija hija din: dwar xiex nitkellmu l-iktar meta noħorġu mal-ħbieb? U s-suġġett ivarja, skont il-ġeneru u s-sess li minnu jkun magħmul il-grupp?
Nafu li hemm gruppi fejn is-suġġett ikun esklussivament il-futbol: kemm morna tajjeb, kemm ħriġtu ta’ mażetta, irbaħna, tliftu, dak il-plejer għal magħna u l-ieħor ħadtuh intom, anki meta nkunu qed nitkellmu dwar timijiet mhux Maltin imma barranin, daqslikieku konna parti ewlenija mill-management tat-tim konċernat! Ħafna drabi dan ikun grupp magħmul minn irġiel biss, jew maġġoranza ta’ rġiel.
Suġġett ieħor huwa kemm għabbejna nisa jew irġiel matul il-weekend jew f’dawn l-aħħar xhur. U hawnhekk ħallina nisimgħu dwar partijiet tal-ġisem differenti, dwar il-kobor u ċ-ċokon tagħhom, dwar x’nagħmillu jew x’nagħmillha li kieku…, dwar x’bażż tajtha jew tajtu, jew dwar x’persuna egoċentrika u b’idea waħda f’moħħha kienet dik jew dak. It-Tinder illum sar suġġett fuq ilsien bosta, u ngħiduha kif inhi, hemm drabi meta joħroġ anki l-ġid minn idea bħal din.
Imbagħad hemm min is-suġġett fuq ilsienu huma biss il-flus. Għalhekk minn fommu jew fommha toħroġ nixxiegħa ma tiqafx ta’ kliem bħal bini, investiment, kontijiet, taxxi, part-time u overtime, banek, b&b, farmhouses, mijiet ta’ euro, eluf ta’ euro, u l-bqija. Anki f’dan il-każ taf titgħallem bosta ħwejjeġ li jgħinuk taqla’ euro żejda, imma kemm se ddum tisma’ dwar l-istess ħaġa?
Inti x’tip ta’ persuna inti? Idejqek grupp li jitkellem dejjem dwar l-istess suġġett jew tippreferi kumpanija li taf tvarja d-diskors tant li ma tarax il-ħin għaddej?