Kulħadd għandu xi kaxxa jew landa tal-imbarazz id-dar, x’użu tagħmel minnha?
Min jaf kemm minna għandhom kaxxi u laned differenti fi djarhom, kontenituri li bħal norbtu ma’ rwoli jew xogħlijiet differenti? Hekk dawk il-laned li forsi xi darba kienu mimlijin b’gallettini speċjali li għosfru fi żmien qasir, imma l-landa tant kienet sabiħa li żammejniha. Hemm kaxxi oħrajn li nixtruhom minn ħwienet apposta, jista’ jkun għax bżonn, jew inkella għax inkunu rajniehom f’xi vetrina u l-materjal jew ilwien tagħhom ikunu laqtuna.
F’waħda minn dawn inżomm l-oġġetti li nuża biex innaddaf iż-żraben tiegħi. Fiha ssib xkupilji speċjali, laned tal-polish għal żraben lewn iswed, kannella ċar jew skur, jew saħansitra trasparenti, biex iħallulek iż-żraben ilellxu. Għandi wkoll bħal vażetti ċkejknin b’taħlita kkulurita li nużaha meta l-laned tan-Nuggett ma jkunux disponibbli fil-ħwienet. Tiftakru r-riħa partikolari tan-Nuggett, u kemm minnkom għadkom tippolixxjaw iż-żraben tagħkom bl-ixpkupilja u biċ-ċarruta speċjali?
Imbagħad għandi bħal kaxxa tal-injam żgħira miksija bi drapp iffjurit, b’għatu jinfetaħ permezz ta’ ċappetti żgħar. Fiha ssib labar tal-ħjata ta’ kull daqs, imma jiena nippreferi dawk li jkollhom l-għajn kbira biex ma nbatix indaħħal il-ħajta meta jkolli bżonn nirranġa xi kalzetta jew inwaħħal xi buttuna. Hemm ukoll għadd ta’ rkiekel ta’ ħajt ta’ lwien differenti li jiġi bżonjuż meta tkun trid tqabbel mal-lewn tal-ħwejjeġ li tkun trid issewwi. Issib ukoll il-ħolqa tal-ħjata li tipproteġik milli titniggeż mil-labra, u mqassijiet ċkejknin ta’ daqsijiet differenti.
Importanti fid-dar hija l-kaxxa tal-Ewwel Għajnuna. Bżonjuża għal meta bla mistenni xi ħadd iweġġa’ u jkollok bżonn xi diżinfettant, kremi speċjali, faxex, xi kaxxa sticks biex ngħattu xi qatgħa jew nuffata, xi spray li jkessaħ il-parti fejn tkun irwejt, u l-bqija.
Insemmi wkoll il-landa mimlija boċċi jew żibeġ ikkuluriti ta’ meta konna żgħar. Kemm minna għadna nżommuhom dawn f’xi rokna tad-dar bħala tifkira ta’ meta konna għadna tfal nilagħbu qrib darna bla biża’ li ttajjarna xi karozza jew waqt il-pawsa rikreattiva l-iskola?
Tiftakruha l-landa tal-oxo? Inti għandek xi landa jew kaxxa differenti minn dawn? Għaliex tużahom?