F’Malta possibbli tgħix bil-paga minima?
Hija realtà li għad hawn ħafna xogħlijiet li joffru paga minima f’Malta. Biex nispjegaw ftit is-sitwazzjoni tal-paga minima f’Malta, għal diversi snin din kienet inqas minn €200 fil-ġimgħa. Mill-1 ta’ Jannar 2024, din inbidlet u telgħet għal €213.54 fil-ġimgħa għal dawk li jaħdmu full time.
Qed ngħidu li min jaħdem b’paga minima, qed jaqla’ €5.34 fis-siegħa, €854.16 fix-xahar, u €11,107.20 fis-sena jekk għandu 18-il sena jew aktar.
Studju li kien sar mill-General Workers Union (GWU) fl-2022, u li kien irrappurtat lura fl-2023, kien ħareġ b’tabella li turi t-total ta’ spejjeż tal-ħajja sabiex persuna jirnexxielha tgħix b’mod diċenti f’Malta dak iż-żmien. Nafu li minn dak iż-żmien lil hawn, il-ħajja kompliet togħla, jiġifieri huwa probabbli li l-prezz għal ħajja diċenti f’Malta żdied minflok naqas.
X’tgħid it-tabella ta-National Living Income li ħarġet il-GWU?
Biex persuni jlaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja u jgħixu ħajja diċenti, il-GWU tgħid…
- Persuna waħida, mingħajr tfal – bejn €10,535 u €12,476
- Ġenitur singlu, b’wild wieħed – bejn €13,695 u €16,219
- Ġenitur singlu, b’żewġt ulied – bejn €16,855 u €19,962
- Koppja, mingħajr tfal – bejn €15,802 u €18,715
- Koppja, b’wild wieħed – bejn €18,962 u €22,457
- Koppja, b’żewġt ulied – bejn €22,123 u €26,200
Dan ifisser li jekk ma jagħmlux aktar minn dawn il-flus, kważi kważi lanqas biss jirnexxielhom iwarrbu xejn f’każ ta’ bżonn.
Aħna ta’ Strada Rjali ppruvajna nagħmlu ftit kontijiet ukoll…
Biex nifhmu ftit is-sitwazzjoni bħalissa, ippruvajna nifhmu ftit x’inhuma l-bżonnijiet l-aktar essenzjali sabiex persuna tgħix ħajja diċenti u x’inhuma l-ispejjeż relatati ma’ dawn il-bżonnijiet.
- Ix-xirja tal-ġimgħa li tinkludi affarijiet essenzjali bħal ħass, tadam, patata, basal, ħobża tal-malti, kartuna ħalib, kartuna bajd, kilo koxox tat-tiġieġ, pakkett għaġin ta’ kilo, passata tal-flixkun, landa tonn taż-żejt, pakkett ilma ta’ 6, kafe, te, zokkor, melħ, u bżar tiġi tiswa bejn €25 u €30.
- Spejjeż oħrajn relatati mal-konsum fid-dar bħal prodotti għat-tindif, toilet paper, prodotti għall-ħasil tal-ħwejjeġ, prodotti biex tinħasel u taħsel xagħrek u snienek jitolbu għal baġit ta’ minimu €30 fix-xahar.
- Kontijiet tad-dawl u l-ilma fix-xahar ta’ madwar €30 u €40.
- Kerha minima ta’ madwar €650, jew inkella jkollok taqsam appartament ma’ ħafna persuni oħrajn biex jonqsu l-ispejjeż.
- Internet fid-dar, użu tal-mowbajl u pakkett bażiku għat-televiżjoni ta’ madwar €35 fix-xahar.
- Fjuwil għall-karozza ta’ madwar €20 fil-ġimgħa, sakemm ix-xogħol tiegħek u l-lokalità fejn tgħix ma jagħmluhilekx faċli tuża t-trasport pubbliku.
- Xiri ta’ ħwejjeġ essenzjali skond il-bżonn b’madwar €30 fix-xahar.
Dawn l-ispejjeż fissi flimkien qed ngħidu li jaslu għal madwar €955 fix-xahar għal persuna waħida. Apparti minn hekk, ma jinkludux spejjeż oħra li jaf jinqalgħu bħal bżonn ta’ xi tgħamir fid-dar li ma joffrux sidien il-kerha, jew inkella spejjeż li jinqalgħu tal-karozza, kif ukoll l-assikurazzjoni u l-liċenzja li trid tħallas ta’ kull sena.
Allura wieħed jistaqsi, jekk b’paga minima ta’ €854.16 fix-xahar lanqas jirnexxielek tkopri l-ispejjeż bażiċi ta’ persuna waħdeha, kif jista’ jirnexxielek tibni ħajja ma’ persuna oħra u tkabbar lit-tfal?
Taħsbu li wasal iż-żmien li jitpoġġa ftit aktar ħsieb fuq l-għoli tal-ħajja u fuq kif nistgħu verament nassikuraw ħajja diċenti għal kulħadd? Għidulna fil-kummenti.