Għaliex għandek tistudja lingwa barranija?

 Għaliex għandek tistudja lingwa barranija?

Ħafna miż-żgħażagħ illum donnhom naqsitilhom il-motivazzjoni li jitgħallmu lingwa barranija. L-interess f’dawn il-lingwi m’għadux qawwi bħal qabel. X’aktarx l-influwenza tal-globalizzazzjoni ġabitna kemmxejn għażżenin għax nafu li bl-Ingliż nistgħu nilħqu nies differenti mingħajr sforzi żejda.

Fil-verità li bniedem ikun jaf l-Ingliż mhux biżżejjed. L-għarfien ta’ lingwa oħra barranija tista’ tiffaċilita kemm il-ħajja professjonali u anke dik personali. Il-lingwi fihom il-faxxinu tagħhom, jagħtuna ħbiberiji ġodda u ħafna aktar. Ser insemmu xi wħud mill-benefiċċji ta’ meta wieħed jistudja l-lingwi barranin.

  1. Kunfidenza personali

Minkejja d-diffikultajiet li joffru l-lingwi, il-mument li tibda tidrahom jagħtuk sens qawwi ta’ soddisfazzjon, speċjalment meta tgħin lil xi turist jew tkun il-punt ta’ riferiment fuq il-post tax-xogħol

  1. Titjieb fil-konċentrazzjoni u l-memorja

Ir-riċerka turi li l-istudju tal-lingwi jimpatta lill-moħħ b’mod pożittiv. Il-memorja titjieb fuq livelli differenti. Fil-fatt, il-moħħ jagħmel kalkoli aktar kumplessi u jkun kapaċi jagħraf l-informazzjoni l-aktar rilevanti. Persuni li jistudjaw il-lingwi għandhom it-tendenza li jikkonċentraw aktar.

  1. Mentalità iktar miftuħa

It-tagħlim tal-lingwa ma jinkludix biss il-lessiku jew l-aspetti grammatikali imma anke l-għarfien dwar il-kultura u d-drawwiet tan-nies tal-pajjiż. Bniedem ikun jista’ jifhem aħjar barrani u għal ftit mumenti jħoss li għandu bħal identità oħra xi jkompli tiskopri. L-għarfien ta’ lingwi oħra jwassluna biex inkunu persuni aktar tolleranti.

  1. Tgħix u taħdem barra minn pajjiżek

Għal min ikollu ħsieb li jmur jgħix barra, l-għarfien tal-lingwa tal-post hija ta’ benefiċċju. Mhux dejjem faċli taqbad il-lingwa tal-post waqt li tkun qed taħdem. Meta tkun preparat minn qabel tkun tista’ tintegra ruħek fuq il-post tax-xogħol jew fis-soċjetà mingħajr xkiel żejjed.

  1. Żvilupp tal-kreattività u l-iżvilupp tal-ħsieb astratt

L-istudji dejjem urew li sa minn età bikrija ħafna, it-tfal huma kapaċi jaqbdu lingwi differenti mingħajr sforz żejjed. Ir-ricerka tindika li meta bniedem ikun jaf ħafna lingwi, xi areas tal-moħħ jiżviluppaw aktar u għaldaqstant għandhom ċans li jieħdu deċiżjonijiet korretti u fl-inqas ħin possibli.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com