Għaliex meta ttemm situationship tista’ tkun aktar diffiċli minn tmiem ta’ relazzjoni?
Meta ttemm relazzjoni twila nafu li m’hix xi ħaġa faċli, madanakollu dawk li ngħidulhom situationships jistgħu jkunu diffiċli mmens ukoll. Situationship hija meta tkun involut ma’ persuna mingħajr ma jkun hemm relazzjoni serja. Madanakollu, ma jfissirx li għax m’hemmx relazzjoni uffiċjali stabbilita, meta ttemm situationship ma tkunx b’qalbek maqsuma.
X’inhi d-differenza prinċipali?
Relazzjoni kif nafuha tinvolvi mpenn, komunikazzjoni ċara u ppjanar fit-tul. Hemm fiduċja u ċertu livell ta’ vulnerabbiltà li tinbena matul iż-żmien, li twassal għal sens ta’ sigurtà. Min-naħa l-oħra, situationship mhix definita u m’hemmx impenn ċar fiha miż-żewġ naħat. Hemm nuqqas ta’ konsistenza u ftit li xejn diskussjonijiet li jinvolvu l-futur. L-inċertezza tispiċċa tħalli lil dak li jkun anzjuż u insikur.
Għaliex kapaċi tweġġa’ aktar meta ttemm situationship?
Meta tintemm situationship, jista’ jkun ma tkunx qed tistenniha. Għall-kuntrarju ta’ relazzjoni, fejn forsi tesperjenza diversi problemi qabel ma tittieħed id-deċiżjoni, it-tmiem ta’ situationship jista’ bħal qisu jaqa’ mis-sema u jħallik b’ħafna mistoqsijiet.
Tispiċċa tħossok bħal qisek m’għandekx id-drittijiet li jiġu fi tmiem ta’ relazzjoni, bħal li jkun hemm ċertu tip ta’ ftehim u attenzjoni f’perjodu diffiċli. U ħafna drabi tispiċċa taffaċċja t-tmiem tas-situationshop waħdek, speċjalment jekk forsi sħabek u tal-familja ma jifhmux is-sinjifikat tal-konnessjoni li kellek.
Tibda bħal donnok tgħid, forsi kellek sentimenti aktar profondi għal din il-persuna u li messek għamilthom ċari qabel, u li għalik il-konnessjoni kellha sinjifikat.
Kif tista’ tasal biex tħossok aħjar?
Irrelevanti mit-tip ta’ konnessjoni, meta tintemm xi tip ta’ relazzjoni hija diffiċli. Huwa importanti li tagħti lilek inniffsek biżżejjed ħin biex tifhem u taffronta d-dwejjaq li jġib miegħu tmiem tat-tip. Fittex is-sapport tal-maħbubin tiegħek, ikteb dwar dak li qed tħoss, tkellem ma’ terapista u aċċetta dak li għaddej minnu.
Għandek tirrifletti fuq dak li tgħallimt mis-situationship u x’ħaqqek li tirċievi fil-futur. Indirizza u aċċetta l-emozzjonijiet tiegħek biex tifhem lilek innifsek aħjar u ssaħħaħ il-konnessjonijiet futuri tiegħek ma’ persuni oħrajn.
Ftakar li għalkemm forsi s-situationship ma kinitx relazzjoni serja, ma jfissirx li mhux se tweġġa’ meta tasal fi tmiemha.