Għaliex tixtri għalqa fl-ODZ?
F’dawn l-aħħar deċennji l-kilba minn xi wħud biex jixtru biċċa art bi prezz relattivament baxx ħalli jiżviluppawha u jibdluha fi blokka appartamenti gabubi u jdaħħlu bagatella ewri żdiedet ħafna. Biċċa bħal din donnha taħdem tassew, imma trid tkun fiha biex tifhem kemm problemi u ostakli trid tħabbat wiċċek magħhom u kemm eluf ta’ ewri trid tonfoq biex fl-aħħar mill-aħħar il-ħaġa ssir kif titlob il-liġi!
Illum però qed jiżdiedu dawk li jippreferu jixtru biċċa art Outside Development Zone (ODZ), jew aħjar art fejn ma jkollokx il-permess biex tiżviluppaha u tibdilha f’bini. Bosta jistaqsu, x’vantaġġi se tikseb jekk tagħmel hekk?
Hemm min qed jieħu l-opportunità u jkompli jħaxxen butu billi jisfrutta l-ftit art li għandna u jibdilha f’konkrit, xi ħaġa li mhix se tibqa’ għal dejjem imma biss sakemm nindunaw li esaġerajna u tħanżirna tassew u jkollu jieqaf ħesrem kull żvilupp. Imma hemm ukoll min forsi qed jara lil hinn mill-ponta ta’ mnieħru u jippreferi jixtri biċċa art verġni biex ikollu post għall-kwiet fejn jaħrab kull meta jsib il-ħin li jagħmel hekk.
Bla ma nafu min qed jixtri biċċa art ODZ qed jiggarantixxi li dik l-art tkun tiegħu u mhux se tiġi mibnija mill-opportunisti u fl-istess ħin bħal qed jaħseb f’uliedu u fil-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni li fuq din il-gżira skoll ’il quddiem ma jkollniex biss bini u torrijiet.
L-art verġni u r-raba’ saqwi huma bżonn kbir għall-pajjiż u l-poplu li jgħix fih. Dan ma nifhmuhx sakemm kollox imur sewwa u l-parti l-kbira tal-prodott agrikolu li nikkonsmaw nimpurtawh bla problemi minn barra. Imma jekk jinqala’ xi kulflitt dinji, kull pajjiż jagħlaq il-fruntieri tiegħu u tieqaf l-esportazzjoni, xi jseħħ minn pajjiż żgħir bħal tagħna?
Għandha tiġi mħeġġa u nkuraġġuta din il-‘moda’ jew tendenza li min jista’ jaffordjaha jixtri biċċa art verġni u jgawdiha. Tkun l-okkażjoni fejn nitgħallmu u ngħallmu lil uliedna s-sengħa tal-biedja, nerġgħu nidħlu direttament in kuntatt ma’ ommna n-natura u nieħdu l-frott tagħha.
Inti x’taħseb dwar dan: hi ġennata jew deċiżjoni għaqlija?